• Is-Sibt 25 ta’ Marzu 2017, l-Arċisqof Charles J. Scicluna amministra s-Sagrament tal-Qrar u wara ċċelebra Quddiesa fil-Knisja Parrokkjali ta’ San Sebastjan, Ħal Qormi, u ltaqa’ ma’ dawk preżenti. Din il-Quddiesa hija parti mill-Viżta Pastorali li l-Arċisqof qed jagħmel f’din il-Parroċċa.

    Agħfas hawn biex tara r-ritratti kollha taċ-Ċelebrazzjoni tal-Quddiesa.

    Omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna

  • Knisja Parrokkjali ta’ San Sebastjan, Ħal-Qormi
    25 ta’ Marzu 2017

    Ħuti, “intom kontu darba dlam, imma issa intom dawl fil-Mulej: għixu ta’ wlied id-dawl li intom” (Ef 5, 8-9). Dawn il-kelmiet tal-appostlu Missierna San Pawl lin-nies ta’ belt fit-Turkija, Efesu, jispjegaw dak li għamel Ġesù fl-Evanġelju (Ġw 9, 1-41) twil li għadna kemm smajna.

    Ikun hemm raġel li twieled agħama. Tafuh lil Samwel li jidher f’‘Xarabank’, li deher anke fl-Istrina, dak it-tifel li kien jara u issa agħma. Samwel laħaq ra affarijiet, imma dan ir-raġel, meta twieled ma kien jara xejn u kiber hekk. Il-mistoqsija tiġi: “dan twieled agħma għax dineb hu stess?” – ma jistax ikun – “jew għax dinbu l-ġenituri tiegħu?”. Ġesù jgħid: “La għax dineb hu lanqas il-ġenituri tiegħu, imma ġralu hekk biex l-għemil ta’ Alla jidher fih” (vv. 2-3).

    Kliem mhux faċli tifhimhom, aħna nifhmuhom meta fi tmiem l-Evanġelju tal-lum naqraw li Ġesù jagħmel it-tajn, jagħmlu ma’ għajnejn dan ir-raġel li mwieled agħma, “u jgħidlu: ‘Mur inħasel’. Dak mar, inħasel u ġie jara” (vv. 6-7). U tibda kontroversja bejn Ġesù u l-Lhud għax din il-ħaġa li bniedem twieled agħma u issa jibda jara, ma nstemgħat qatt (ara v. 32). Imma min għamel hekk? Għaliex għamel hekk f’jum is-Sibt, f’jum fejn suppost kulħadd jistrieħ u ma jagħmilx affarijiet li inti trid tinkedd biex tagħmilhom għax hu jum ta’ mistrieħ? 

    Il-Mulej jitkellem dwar dawk li jaħsbu li jaraw imma huma għomja. Mentri dan ma kienx jara u issa qiegħed jara. Kiseb id-dawl, kiseb id-dawl!  Allura jista’ jsejjah lilu nnifsu ‘wirt id-dawl’. Ġesù stess isejjah lilu nnifsu ‘id-dawl’. “Jien ġejt fid-dinja biex nagħmel ħaqq, biex min ma jarax, jista’ jara, u min jara, jagħma” (v. 39).

    Il-miraklu li għamel Ġesù għandu tifsira profonda, u dan l-Evanġelju jinqara’ fil-preparazzjoni tal-Magħmudija għax il-Magħmudija, li inti ssir Nisrani, tfisser ukoll li tibda tgħix fid-dawl tal-Mulej, li lill-proxxmu tiegħek tara fih ix-xbieha ta’ Alla, li fit-tbatija ma tarax is-saħta imma tara s-salib, li fil-ħolqien ma tarax biss xi ħaġa li tużaha għalik innifsek imma xi ħaġa li trid tieħu ħsiebha anke għal ulied uliedek. Dan ifisser li inti tkun agħma u tibda tara; meta tiltaqa’ ma Ġesù, l-affarijiet tibda tarahom b’mod differenti, il-ħajja tibda taraha differenti.

    “Għixu ta’ wlied id-dawl li intom”. San Pawl jispjega: frott id-dawl jinsab “f’kull ma hu tjieba, f’kull ma hu ġustizzja, f’kull ma hu verità” (Ef 5, 9). Jekk irridu ngħidu “aħna naraw jew ma narawx?”, irridu nkejlu l-qalb tagħna b’dawn it-tliet atteġġjamenti: it-tjieba, il-ġustizzja, il-verità. It-tjieba, il-ġustizzja u l-verita! Jekk jiena u nitratta ma’ ħuti l-bnedmin m’hemmx tjieba fija, għadni fid-dlam, jekk jiena ma’ ħuti l-bnedmin ma nimxix bil-ġustizza, fija għad hemm id-dlam, jekk jiena ma’ ħuti l-bnedmin ma nimxix bil-verità, fija għad hemm id-dlam. Fir-Randan, l-aħwa, aħna li aħna dgħajfin u li kultant id-dlam jogħġobna iżjed mid-dawl, nitolbu lill-Mulej jippurifikana billi jnissel fina t-tjieba il-ġustizzja u l-verita.

    “Stenbaħ int li rieqed, u qum mill-imwiet, ħa jiddi fuqek Kristu” (v. 14). Kemm hi sabiħa din it-talba, kemm hi sabiha din l-istedina li l-Mulej jagħmlilna f’dan ir-raba’ Ħadd tar-Randan: “Stenbah int li rieqed”, għajjejt bit-toqol tal-ħajja, m’għadx baqgħalek iżjed ħeġġa għall-quddies, “stenbah int li rieqed u qum mil-imwiet, ħa jiddi fuqek Kristu”.

     Charles J. Scicluna     
         
    Arċisqof ta’ Malta

  • Ritratti: Uffiċċju Komunikazzjoni, Kurja