• San Ġwann 5:1-16

      Wara dan, il-Lhud kellhom festa, u Ġesù tela’ Ġerusalemm. F’Ġerusalemm, maġenb il-menqgħa tal-Bieb tan-Nagħaġ, hemm bini b’ħames loġoġ, li bil-Lhudi jgħidulu Betzata. F’dawn il-loġoġ kienet toqgħod kotra ta’ morda, għomja, zopop u mifluġin. U kien hemm raġel li kien ilu tmienja u tletin sena marid. Ġesù rah qiegħed hemm, u meta sar jaf li kien ilu marid dak iż-żmien kollu qallu: “Trid tfiq?” “Sinjur,” wieġbu l-marid, “ma għandix min jitfagħni fil-menqgħa xħin jitqanqal l-ilma, għax waqt li nkun sejjer jien ħaddieħor jinżel qabli.” Qallu Ġesù: “Qum, aqbad friexek u imxi!” Minnufih dak ir-raġel fieq, qabad friexu u beda miexi.

      Dak inhar inzerta kien is-Sibt. Għalhekk il-Lhud qalu lil dak li kien fieq: “Is-Sibt illum, u ma jiswiex iġġorr friexek!” Iżda hu weġibhom: “Dak li fejjaqni qalli, ‘Aqbad friexek u imxi.’ ” Huma staqsewh: “Min hu dan il-bniedem li qallek, ‘Aqbad u imxi’?” Iżda l-imfejjaq ma kienx jaf min kien, għax Ġesù laħaq warrab billi hemmhekk kien hemm ħafna nies. Wara mbagħad Ġesù sabu fit-tempju u qallu: “Ara, issa fiqt, qis li ma tidnibx iżjed, biex ma tiġrilikx xi ħaġa agħar.” Ir-raġel telaq u mar għand il-Lhud jagħtihom l-aħbar li kien Ġesù li fejjqu. Għalhekk il-Lhud ħraxu għal Ġesù, għax f’jum is-Sibt kien jagħmel ħwejjeġ bħal dawn.


      Qaddis tal-jum:
      San Gontran, Re