Toqol ħafif

Fil-maħfra tiegħek, Mulej,

jien inqiegħed

il-veleni tiegħi tal-mibegħda,

li dejjem jagħtu togħma qarsa

lil kliemi u lil xewqti.

Saffili qalbi, Mulej!

Fil-ħniena tiegħek, Mulej,

jien inqiegħed

id-deċiżjonijiet tiegħi li ninbidel,

li dejjem nħallihom għall-għada.

Qanqal il-konverżjoni tiegħi, Mulej!

Fit-tenerezza tiegħek, Mulej,

jien inqiegħed

il-fidi tiegħi,

kultant imħeġġa

u kultant tnemnem

u li kultant tgħejja tipprova tidher

b’mod konkret

fil-ħidmiet tiegħi ta’ kuljum.

Onfoħ fuqi l-Ispirtu tiegħek, Mulej!

Fik, Mulej,

inqiegħed ħajti

biex iġġeddidha!