Dettalji dwar iċ-ċelebrazzjonijiet liturġiċi ta' matul il-Ġimgħa Mqaddsa 2017

  • Ħamis ix-Xirka filgħodu - Il-Quddiesa tal-Griżma

  • Din hija l‑unika Quddiesa li tiġi ċċelebrata f’Ħamis ix‑Xirka filgħodu, mill‑Arċisqof u mis‑saċerdoti. L‑emfasi tagħha huwa fuq l‑għaqda li Ġesù xtaq li jkun hemm bejn dawk li jemmnu fih, b’mod speċjali dawk li ġew afdati biex ikomplu l‑ħidma tiegħu. F’din il‑Quddiesa, is‑saċerdoti jġeddu l‑wegħdiet tal‑ordinazzjoni saċerdotali tagħhom b’tiġdid ta’ impenn tal‑għaqda bejniethom u mal‑isqof tagħhom. Fiha wkoll jitbierku ż‑żjut tal‑morda u tal‑katekumeni, u jiġi kkonsagrat iż‑żejt tal‑griżma mħallat bil‑fwejjaħ. Dawn iż‑żjut jintużaw fl‑amministrazzjoni tas‑sagramenti matul is‑sena, sa Ħamis ix‑Xirka oħra.

  • Ħamis ix-Xirka filgħaxija - It-Tifkira Solenni tal-Ikla tal-Mulej

  • It‑Tifkira Solenni tal‑Aħħar Ikla tal‑Mulej tibda f’xi ħin wara nżul ix‑xemx, xħin ikun qed joqrob il‑lejl.  Matulha, il‑Knisja tfakkar it‑twaqqif tal‑Ewkaristija u l‑istituzzjoni tal‑qadi bħala l‑ministeru ewlieni tal‑Knisja wara x‑Xandir tal‑Kelma.  Din iċ‑ċelebrazzjoni fiha erba’ taqsimiet:

    1. Liturġija tal‑Kelma
    2. Ħasil tar‑Riġlejn
    3. Liturġija tal‑Ewkaristija
    4. Purċissjoni għall‑post tal‑Adorazzjoni

    Iċ‑ċelebrazzjoni tal‑lum hija t‑Tifkira Solenni tal‑Aħħar Ikla tal‑Mulej.  Mhix il‑festa tat‑twaqqif tal‑Ewkaristija fiha nnifisha; din niċċelebrawha fil‑Festa tal‑Ġisem u d‑Demm tal‑Mulej ‑ Corpus.  Din tal‑lum hija t‑tifkira tal‑aħħar ikla fil‑kuntest kollu tat‑Tlett Ijiem Imqaddsa tal‑Għid. Fil‑fatt, il‑Knisja tħeġġiġna biex l‑adorazzjonijiet li nagħmlu llum u għada, ma jkunux ikkonċentrati fuq l‑Ewkaristija ‑ illum sa nofsillejl biss jistgħu jsiru adorazzjonijiet solenni ‑ iżda riflessjoni dwar dak li beda fiċ‑Ċenaklu, twettaq fuq il‑Golgota u sab il‑qofol tiegħu fil‑Qawmien nhar Ħadd il‑Għid. 

    Matul din iċ‑ċelebrazzjoni jsir ukoll il‑ħasil tar‑riġlejn. Din is‑sena, Monsinjur Arċisqof ser jaħsel riġlejn persuni li jirrappreżentaw lill-komunità Nisranija, fosthom familja, persuna li kkonvertiet għall‑fidi Kattolika, soru tal-Ursolini u djaknu.

  • Il-Ġimgħa l-Kbira - L-Azzjoni Liturġika tal-Passjoni tal-Mulej

  • It‑Tifkira Solenni tal‑Mewt tal‑Mulej issir għall‑ħabta tat‑tlieta ta’ wara nofsinhar, biex il‑fidili jifhmu li qed jgħixu mument b’mument il‑ħinijiet l‑iktar importanti fil‑Misteru tal‑Fidwa tagħna. Hija ċelebrazzjoni solenni li tiġi emfasizzata iktar jekk issir fil‑ġabra.  Ta’ min jinnota li s‑sempliċità ta’ din iċ‑ċelebrazzjoni żżid fid‑drammatiċità tagħha, u hekk tgħin iktar lill‑Insara jirriflettu fuq dan il‑ħin għażiż fil‑ħajja ta’ Ġesù.  Huwa għalhekk li ma jintużawx strumenti ta’ mużika iżda kant bil‑vuċijiet biss.

    Il‑mumenti ta’ skiet, fid‑dħul u waqt li ċ‑ċelebranti jimteddu mal‑art, qabel ir‑Rakkont tal‑Passjoni, bejn talba u oħra, waqt il‑wasla tas‑Salib għall‑Adorazzjoni, waqt l‑armar tal‑artal u waqt li jitwassal Ġesù Ewkaristija u fil‑ħruġ, huma mezzi ta’ talb u riflessjoni.

    Din iċ‑ċelebrazzjoni fiha tliet taqsimiet:

    1. Liturġija tal‑Kelma u Talbiet Universali
    2. Adorazzjoni tas‑Salib
    3. Tqarbin

  • Sibt il-Għid - Il-Vġili tal-Għid

  • Il‑Vġili tal‑Għid wara nżul ix‑xemx tas‑Sibt fi dħul il‑lejl.  Hija liturġija unika li l‑qofol tagħha jintlaħaq fiċ‑ċelebrazzjoni tal‑Magħmudija wara l‑Liturġija tal‑Kelma. Flimkien maċ‑ċelebrazzjoni tal‑Ħamis filgħaxija u dik tal‑Ġimgħa l‑Kbira, hija l‑qofol tas‑sena liturġika għaliex fiha l‑Knisja tgħix mill‑ġdid il‑ġrajja tas‑salvazzjoni, mhux b’nostalġija jew b’tifkira ta’ dak li ġara elfejn sena ilu, imma għax għadha sseħħ illum. 

    Il‑Liturġija tibda fuq iz‑zuntier tal‑knisja bit‑tberik tan‑nar u l‑mixgħela tal‑blandun li huwa simbolu ta’ Kristu nnifsu. L‑Insara jidħlu wara l‑blandun mixgħul fil‑knisja mudlama u minnu jixgħelu d‑dwal tagħhom u jgħaddu d‑dawl lil xulxin.  Wara li jitħabbar l‑Għid jibda l‑qari ta’ siltiet mill‑Kotba Mqaddsa li jwasslu bil‑mod il‑mod għall‑mument tat‑Tħabbira tal‑Evanġelju, din is‑sena minn San Mattew, li jirrakkonta l‑Qawmien mill‑mewt ta’ Ġesù.

    Wara l‑omelija tibda l‑liturġija tal‑Magħmudija fejn biż‑żewġ elementi naturali, in‑nar u l‑ilma (imbierek bin‑nar), jinħoloq l‑ilma tal‑Magħmudija li jagħti l‑ħajja ta’ Alla lil min jitgħammed bih.

    Din iċ‑ċelebrazzjoni fiha erba’ taqsimiet:

    1. Tberik tan‑Nar, mixgħela tal‑blandun u Tħabbira tal‑Għid
    2. Liturġija tal‑Kelma
    3. Liturġija tal‑Magħmudija
    4. Liturġija tal‑Ewkaristija

  • Ħadd il-Għid

  • Filgħodu l‑Knisja tiċċelebra l‑Għid il‑Kbir tal‑Mulej bħala Knisja li tfakkar it‑twelid mill‑ġdid tal‑Bniedem għall‑ħajja ta’ dejjem, bit‑tisħib ta’ dawk li jemmnu fil‑qawmien ta’ Kristu mill‑mewt. Matul din il‑ġurnata, il‑Knisja tgħix il‑ferħ u l‑emozzjonijiet l‑oħra li d‑dixxipli għexu wara l‑qawmien ta’ Ġesù milll‑imwiet.