• San Mattew 28:8-15

    Marija ta’ Magdala u Marija l-oħra telqu malajr minn ħdejn il-qabar, kollhom biża’ u ferħ kbir, u marru jiġru jagħtu l-aħbar lid-dixxipli tiegħu. U ara, ltaqa’ magħhom Ġesù u qalilhom: “Is-sliem għalikom.” Huma resqu lejh, qabdulu riġlejh u nxteħtu quddiemu. Imbagħad Ġesù qalilhom: “Tibżgħu xejn; morru wasslu l-aħbar lil ħuti biex jitilqu lejn il-Galilija; lili jarawni hemmhekk.”

    Huma u sejrin, xi wħud mill-għases marru l-belt għand  il-qassisin il-kbar u tawhom l-aħbar ta’ kull ma kien ġara. Dawn inġabru flimkien max-xjuħ, ftiehmu bejniethom, u taw lis-suldati kemxa flus ġmielha u qalulhom: “Għidu hekk, ‘Ġew id-dixxipli tiegħu billejl u serquh waqt li konna reqdin.’ U jekk  il-gvernatur jisma’ b’dan, aħna nġegħluh jemmen, u lilkom neħilsukom minn kull inkwiet.”

    Dawk ħadu l-flus u għamlu kif qalulhom. U din il-biċċa xterdet hekk fost il-Lhud sal-ġurnata ta’ llum.

    Qaddisin tal-jum: San Anettu, San Stephen Harding, San Robert ta’ Chaise Dieu