• Fil-Ġimgħa l-Kbira, 14 ta’ April 2017, fit-3:30 p.m., l-Arċisqof mexxa l‑Azzjoni Liturġika tal‑Passjoni u l‑Mewt tal‑Mulej, fil‑Konkatidral ta’ San Ġwann.
  • Iċ-ċelebrazzjoni tal-Quddiesa fuq Youtube

  • Omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna

  • Konkatidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta

    14 ta’ April 2017

    “Hu offra ruħu għall-mewt, u kien magħdud mal-midinbin, hu li neħħa l-ħtijiet tal-kotra u ndaħal għall-midinbin” (Iż 53, 12). Ejjew illum f’din it-tifkira solenni tal-passjoni tal-Mulej naduraw din l-imħabba bla tarf.  

    Bħalma jgħid Ġesù stess fl-Evanġelju ta’ San Ġwann kapitlu 10, “jiena nagħti ħajti għall-merħla. Ħajti ma jeħodhieli ħadd imma nagħtiha jien bil-qalb” (Ġw 10, 17-18). Hu offra ruħu għall-mewt, mewt li għaddietu mal-midinbin, kien imsallab bħal kriminal bejn żewġ ħallelin. Min jaf kemm-il darba ngħoddu lil xulxin mal-midinbin, ingaraw il-ġebel tal-ġudizzju iebes lil xulxin? Dak il-ħin insiru bħal Ġesù jekk inqisuna mal-midinbin, u bħal min sallbu jekk aħna ngaraw il-ġebel tal-ħtija b’qalb iebsa. Min jaf kemm hemm nies li bħalu, huma magħduda mal-midinbin.

    “Offra ruħu għall-mewt” biex jagħti l-ħajja “hu li neħħa l-ħtijiet tal-kotra, indaħal għall-midinbin” (Is 53, 12). Il-profezija ta’ Iżaija sseħħ kollha kemm hi fir-rakkont li għadna kemm smajna u kif ifakkarna l-appostlu Missierna San Pawl “minħabba fina Kristu obda sal-mewt, anzi sal-mewt tas-salib” (Fil 2, 8).

    It-tieni ħsieb li nixtieq naqsam magħkom huwa dwar il-kitba li Pilatu waħħal mas-salib ta’ Ġesu. Il-kitba kienet tgħid: “Dan hu s-sultan tal-Lhud” u “l-kitba kienet bil-Lhudi, bil-Latin u bil-Grieg” (ara Ġw 19, 19-20). L-evanġelista Ġwanni jinsisti fuq dan id-dettal. Kienet kitba mhux għal-Lhud biss imma kienet kitba wkoll għall-imperu, kienet kitba għall-Mediterran. Il-lingwa Griega kienet il-lingwa l-iżjed mitħaddta min-nies ta’ kultura fil-Mediterran. Il-Latin kien il-lingwa tal-imperu, waqt li l-Lhudi kien il-lingwa tal-poplu ta’ Alla.

    Din il-kitba, il-kundanna ta’ Ġesù, issir ukoll kawża ta’ salvazzjoni għal-Lhud, għal-Latini u għall-Griegi. Hija salvazzjoni universali li titkellem b’ħafna lingwi għax titkellem il-lingwa tal-imħabba. Ġesù kien segwit minn Lhud ħorox imma kien meqjum ukoll mil-Lhud li fis-satra u anke bil-moħbi ħadu ħsiebu anke fil-mewt tiegħu: Ġużeppi minn Arimatija, u Nikodemu (ara vv. 38-39)

    Ejjew nitolbu b’mod speċjali għall-poplu Lhudi imma niftakru li aħna lkoll konna li sallabna lil Ġesù, la poplu wieħed, la imperu wieħed, la kultura waħda, aħna lkoll dnibna, aħna lkoll midjunin miegħu li ta ħajtu għalina biex isalvana. Nadurawk O Ġesù u mberkuk għax b’salibek u l-mewt tiegħek inti fdejtna.

     Charles J. Scicluna     
         Arċisqof ta’ Malta

  • Ritratti/Filmat: Uffiċċju Komunikazzjoni, Kurja