Patri Ġiżwita jinħataf fin-Niġerja

  •  
    Patri Samuel Okwuidegbe, Ġiżwita Niġerjan ta' 50 sena, nhar it-Tlieta li għadda, 18 ta' April, inħataf minn grupp ta' nies mhux magħrufa.
     
    Il-ħtif sar fit-triq li tgħaqqad Benin City ma' Onitsha. Skont il-ġurnal “La Croix”, Patri Okwuidegbe kien sejjer imexxi rtir, 150 kilometru 'il bogħod minn fejn jgħix ma' 3 patrijiet oħra. Il-karozza tiegħu nstabet abbandunata mill-pulizija.
     
    Is-Segretarju Reġjonali tal-Ġiżwiti fl-Afrika u l-Madagascar, Patri Rigobert Kyungu Musenge, qal li "sa issa m'għandhomx dettalji dwar l-għejbien. Din hi l-ewwel darba f'ħafna snin li saċerdot Ġiżwita hu vittma ta' ħtif fir-reġjun".
     
    Jidher ukoll li flimkien ma' Patri Samuel Okwuidegbe, inħatfu żewġ persuni oħra. 
     
    Matul is-sena 2016, fin-Niġerja, inħatfu għadd ta' saċerdoti, l-aktar fin-naħa ta' isfel tal-pajjiż. Dun Sylvester Onmoke, President tal-Assoċjazzjoni tal-qassisin djoċesani fin-Niġerja, saħaq li "l-aħħar mewġa ta' ħtif ta' saċerdoti u reliġjużi hi bħal assalt fuq il-Knisja".
     
    Sors: Aġenzija tal-Aħbarijiet Fides