• San Mark 16:9-15

    Wara li qam mill-mewt fil-għodu kmieni fl-ewwel jum tal-ġimgħa Ġesù deher l-ewwel lil Marija ta’ Magdala, li minnha kien keċċa seba’ xjaten. Din marret tħabbar kollox lil sħabu, li kienu qalbhom sewda u jibku.  Imma dawn, meta semgħuha tgħid li hu kien ħaj u li ratu, ma emmnuhiex.

    Wara dan, wera ruħu taħt sura oħra lil tnejn minnhom huma u sejrin bil-mixi lejn ir-raba’. U huma reġgħu lura u taw l-aħbar lill-oħrajn, imma anqas lil dawn ma emmnuhom.

    Fl-aħħar wera ruħu lill-Ħdax stess waqt li kienu fuq il-mejda, u ċanfarhom talli kienu nieqsa mill-fidi u hekk rashom iebsa li ma emmnux lil dawk li kienu rawh wara li qam mill-mewt.

    U qalilhom: “Morru fid-dinja kollha, xandru l-Evanġelju lill-ħolqien kollu.”

    Il-qaddisin tal-jum: San Soter, San Leonid u San Teodoru ta’ Sykeon