• Il-Papa Franġisku mar lil hinn mill-modi tradizzjoni ta’ kif Papa jwassal il-messaġġ tiegħu.  Din id-darba, il-Papa għażel li jitkellem waqt attività ta’ TED.

    Din hi l-ewwel darba li Papa qatt tkellem waqt TED.

    TED, hi għaqda mhux governattiva, iddedikata li twassal l-ideat tan-nies f’diskorsi qosra. Dik li fl-1984 bdiet bħala konfernza dwar it-teknoloġija, divertiment u d-disinn, illum jipprovdi diskorsi dwar suġġetti differenti u mingħand nies li ġejjin minn setturi diversi.

    Il-filmat, twil 18-il minuta, inġibed fil-Vatikan u xxandar waqt il-konferenza annwali ta’ TED, f’Vancouver.

    Il-Papa tkellem b’mod personali u informali, u fakkar kif “kollox hu relatat ma’ xulxin” u kif “il-ħajja hi magħmula minn interazzjonijiet”. “Ħadd minnha mhu awtonomu u indipendenti”, qal il-Papa. “Nistgħu biss nibnu futur  aħjar jekk inkunu magħquda, u ninkludu lil kulħadd”.

    It-tieni messaġġ tal-Papa Franġisku  kien dwar kif “nedukaw in-nies jagħrfu  l-vera solidarjetà” sabiex tingħeleb “il-kultura tal-ħela”, li tpoġġi l-prodotti fiċ-ċentru tas-sistemi tekno-ekonomiċi, flok lin-nies. 

    Il-Papa enfasizza dan il-punt billi kkowta lil Mother Teresa u l-parabbola tas-Samaritan it-Tajjeb, biex imbagħad kompla jitkellem fuq it-tama – li hu ddeskriva bħala “umli, żerriegħa  moħbija tal-ħajja, li biż-żmien tiżviluppa f’siġra kbira”. “Individwu wieħed biss hu biżżejjed biex teżisti t-tama … u dak l-individwu tista’ tkun int”, saħaq il-Papa.

    It-tielet u l-aħħar messaġġ tal-Papa Franġisku kien dwar dak li hu sejjaħ “ir-rivoluzzjoni tal-ġentilezza”. Li tkun ġentili jfisser “tkun fuq l-istess livell ta’ ħaddieħor” kompla jgħid. Mhijiex dgħufija, iżda saħħa: ” it-triq tas-solidarjetà … tal-umiltà […] u permezz tal-umiltá, anke l-poter isir servizz u għodda biex isir it-tajjeb”.

    Il-Papa kkonkluda diskorsu billi afferma li l-futur tal-umanità mhuwiex f’idejn il-politiċi jew il-kumpaniji l-kbar, iżda f’idejn in-nies li “jagħrfu lil ħaddieħor bħala ‘int’ u qisu lilhom infushom bħala parti mill-‘aħna’.