• Il‑Kummissjoni Interdjoċesana Ambjent (KA) tappella lill‑partiti politiċi biex f’dan iż‑żmien ta’ qabel l‑elezzjoni ġenerali 2017 ma jagħmlux wegħdiet li mhumiex sostenibbli li mbagħad jispiċċa jbati minnhom kulħadd b’mod speċjali dawk l‑aktar vulnerabbli. Il‑KA tappella lill‑partiti biex iwiegħdu li fil‑qasam tal‑ambjent jimpenjaw ruħhom biex jipproteġu l‑ambjent naturali, iż‑żoni li huma barra miż‑żoni tal‑iżvilupp, u l‑bini li għandu valur storiku u arkitettoniku. Dan għandhom jagħmluh bil‑fatti u b’liġijiet u policies li ma jħallu l‑ebda lok li jiġu abbużati.

    Il‑patrimonju naturali, storiku u arkitettoniku ta’ pajjiżna huwa ta’ valur kbir, mhux biss għax jikkontribwixxi għall‑identità tal‑Maltin u l‑Għawdxin bħala ġens uniku, iżda wkoll għax għandu valur ekonomiku fih innifsu. Il‑kollass tat‑Tieqa tad‑Dwejra fakkarna li l‑patrimonju tagħna, minbarra li huwa fraġli, huwa wkoll riżorsa ekonomika għax jattira t‑turisti. Fuq kollox l‑KA tfakkar li l‑ħarsien tal‑ambjent huwa indispensabbli għall‑kwalità tal‑ħajja ta’ kulħadd, u għas‑saħħa kemm fiżika kif ukoll mentali. F’dan il‑kuntest hija qed tippreżenta dawn l‑għoxrin proposta lill‑partiti politiċi:

    1. Setgħa ta’ veto għall‑Awtorità tar‑Riżorsi u l‑Ambjent

    L‑Awtorità tar‑Riżorsi u l‑Ambjent għandu jkollha s‑setgħa ta’ veto fuq kull applikazzjoni għal żvilupp li jkun propost f’żoni li huma barra mill‑konfini tal‑iżvilupp, inklużi siti ta’ patrimonju naturali. B’dan il‑mod, l‑Awtorità jkollha s‑saħħa meħtieġa fil‑protezzjoni tal‑ambjent. L‑Awtorità għandu jkollha wkoll is‑setgħa tal‑veto fuq kull talba li ssir biex jonqos il‑livell ta’ protezzjoni li jkun ingħata lil xi sit ta’ patrimonju naturali.

    1. Setgħa ta’ veto għas‑Supretendent tal‑Patrimonju Kulturali

    Is‑Supretendent tal‑Patrimonju Kulturali għandu jkollu setgħa ta’ veto fuq kull applikazzjoni għal żvilupp li jkun propost u li jaffettwa siti arkeoloġiċi u siti/binjiet li huma skedati. Is‑Supretendent ikollu wkoll is‑setgħa tal‑veto f’każ ta’ applikazzjoni li tfittex li tnaqqas il‑protezzjoni ta’ siti arkeoloġiċi jew siti/binjiet skedati.

    1. Reviżjoni sħiħa tal‑policies tal‑ippjanar dwar żviluppi fil‑kampanja

    Għandha ssir reviżjoni sħiħa tal‑policy tal‑ippjanar li qed twassal biex boroġ ta’ ġebel fil‑kampanja jinbidlu f’binjiet residenzjali jew f’bini li mhuwiex strettament għall‑bżonnijiet agrikoli. Din hija policy abbużiva li l‑effett tagħha huwa sfreġju tal‑ambjent rurali.

    1. Reviżjoni ta’ pjanijiet u policies ta’ żvilupp

    Għandha ssir reviżjoni sħiħa tal‑Pjan Strateġiku għall‑Ambjent u l‑Iżvilupp (SPED), pjanijiet lokali, master plans, pjanijiet ta’ azzjoni, kull pjan ta’ żvilupp ieħor u policies ta’ ppjanar (inkluża l‑policy dwar il‑bini għoli) biex dawn il‑pjanijiet u policies jiggarantixxu t‑tisħiħ tal‑ġid komuni, u dan wara li jitqies b’reqqa r‑riżultat ta’ konsultazzjoni ta’ veru mal‑istakeholders kollha. Fl‑aħħar stadju tat‑tfassil ta’ pjan jew policy m’għandhomx jiddaħħlu proposti ta’ żvilupp li l‑għan tagħhom ikun li jintensifikaw l‑iżvilupp flok inaqqsuh, b’detriment tal‑komunitajiet affettwati, u dan wara li tkun saret il‑konsultazzjoni pubblika. 

    1. Policy dwar il‑kontroll tal‑ħsejjes

    Għandha tiġi adottata policy li tirrestrinġi l‑ħsejjes qawwija, mużika u damdim bla kontroll minn diskoteki, parties u stabbilimenti kummerċjali li jaffettwaw żoni residenzjali u l‑paċi speċjalment billejl. Dawn il‑ħsejjes għandhom ikunu ristretti għal siti li mhumiex open air. Huwa inaċċettabli li residenti  jkollhom jagħlqu t‑twieqi biex jippruvaw jorqdu, u xorta ma jirnexxilhomx minħabba n‑nuqqas kbir ta’ rispett min‑naħa ta’ min imexxi dawn l‑istabbilimenti u/jew jorganizza parties, fieri, tiġijiet u festivals. Ir‑riċerka turi biċ‑ċar li livelli għolja ta’ ħsejjes huma ta’ dannu għas‑saħħa tal‑individwu, jikkawżaw ħsarat fis‑smigħ u jżidu l‑livelli ta’ stress. Ħadd m’għandu jkun imċaħħad mid‑dritt li jgawdi l‑mistrieħ, kemm f’postijiet miftuħa fejn ħafna jmorru għall‑kwiet (bħal ngħidu aħna fuq bajjiet pubbliċi), imma aktar u aktar ġewwa daru stess. L‑istess policy għandha wkoll tindirizza l‑użu abbużiv u esaġerat ta’ murtali u murtaletti, kemm fil‑festi kif ukoll f’okkażjonijiet oħra. F’ċerti każijiet dawn jilħqu livell inaċċettabbli ta’ ħoss minbarra t‑tniġġiż perikoluż li joħolqu.

    1. Policy dwar il‑kontroll tad‑dwal

    Għandha tiġi adottata policy li tirrestrinġi d‑dwal żejda li minbarra li huma ħela ta’ enerġija, itellfu mit‑tgawdija tas‑sema wara nżul ix‑xemx, u jiddisturbaw il‑ħajja ta’ diversi ħlejjaq. Hemm wisq każijiet fejn id‑disinn u l‑intensità tad‑dwal huma totalment insensittivi għall‑ambjent ta’ matul il‑lejl, u ċerti dwal li jintużaw minn stabbilimenti kummerċjali u diskoteki jidhru minn kilometri ’l bogħod. Din il‑policy għandha wkoll tindirizza l‑illuminazzjoni ta’ binjiet, inklużi knejjes u stabbilimenti industrijali u kummerċjali.

    1. Policy dwar użu ta’ stabbilimenti illegali għal skopijiet politiċi u ta’ benefiċenza

    Tiġi introdotta policy fejn postijiet li jkunu mibnija illegalment ma jitħallewx jintużaw għall‑attivitajiet kemm politiċi kif ukoll ta’ fundraising, inklużi dawk għal skopijiet ta’ benefiċenza. Issir jew ma ssirx din il‑policy, partiti politiċi u entitajiet oħra m’għandhomx jagħmlu użu minn dawn il‑postijiet (sakemm ma jkunux ġew regolarizzati), sabiex ma jkunux qed jissanzjonaw u jinkoraġġixxu l‑illegalità u prepotenza ta’ min jaħseb li hu ogħla mill‑liġi li tirregola liċ‑ċittadini l‑oħra kollha.   

    1. Dikjarazzjoni bil‑miktub mill‑Membri tal‑Parlament dwar applikazzjonijiet għal permessi

    Il‑Membri Parlamentari għandhom jissottomettu lill‑iSpeaker tal‑Parlament dikjarazzjoni kull sena (u kull meta jkun hemm bidla fil‑fatti tad‑dikjarazzjoni), li fiha jgħidu ċar u tond x’interess personali jkollhom f’kull applikazzjoni ta’ żvilupp jew permess ambjentali. Id‑dettalji għandhom jinkludu l‑interessi tal‑membri tal‑familja tal‑Membru Parlamentari. Applikazzjoni għal tali permessi tista’ tirrifletti kif deputat jaħsibha dwar l‑ambjent speċjalment fejn ikun qed jabbuża minn policies li jħallu lok għall‑abbuż.

    1. Dikjarazzjoni bil‑miktub mill‑Membri Parlamentari dwar pożizzjonijiet f’kumpaniji u intrapriżi privati

    Kull sena, il‑Membri Parlamentari għandhom jiddikjaraw bil‑miktub lill‑iSpeaker tal‑Parlament kull pożizzjoni li jkollhom f’kumpaniji jew intrapriżi privati. Tmexxija tajba titlob li ċ‑ċittadin ikun jaf jekk id‑deputati tagħhom humiex parti minn organizzazzjoni li qed tipproponi proġett li jmur kontra l‑interessi tal‑komunità. Din id‑dikjarazzjoni tista’ tkun aġġornata iktar minn darba f’sena skont il‑każ. 

    1. Studju nazzjonali dwar il‑propjetà

    Il‑Gvern, permezz  ta’ entità indipendenti, għandu jagħmel u jaġġorna  kull sena, studju li janalizza u jgħarbel ix‑xejriet tad‑domanda u l‑provvista tal‑propjetà fil‑pajjiż. Dan l‑istudju u l‑aġġornamenti annwali tiegħu għandhom ikunu ppubblikati fit‑totalità tagħhom. Dwar it‑terms of reference għandu jkun hemm qbil minn firxa wiesgħa ta’ stakeholders. Dan l‑istudju għandu jkun utli għal policies u pjani ta’ żvilupp li jkunu qed jitfasslu, kif ukoll għall‑politika fiskali u soċjali tal‑Gvern.

    1. Ma jsirux wegħdiet sigrieti

    Wegħdiet sigrieti bejn il‑partiti u individwi (li mbagħad ikollhom jissarrfu fi gwadann personali għal ftit nies b’detriment għall‑ġid komuni) ma għandhom qatt isiru, speċjalment fil‑ġranet ta’ qabel l‑elezzjoni.

    1. Ma jsirux wegħdiet dwar proġetti partikulari dwar l‑użu tal‑art jew art speċifika

    Fil‑ġranet ta’ qabel l‑elezzjoni m’għandhomx isiru wegħdiet li jirreferu għal proġetti partikulari li jinvolvu l‑użu tal‑art jew li jidentifika minn qabel art speċifika li se tintuża għal dak l‑iżvilupp. Meta jsir hekk, il‑bżonn li jsir studju serju tal‑impatt ambjentali u s‑sostenibiltà tal‑proġett ikun qed jigi mminat għax “il‑poplu jkun iddeċieda”. Wegħdiet ta’ dan it‑tip jivvizzjaw il‑proċess kollu tal‑ippjanar li għandu jħares l‑interessi komuni li jkun se jiġi affettwat bl‑iżvilupp. Rebħa elettorali m’għandhiex tintuża sabiex jinqabeż proċess li jevalwa l‑impatti kumplessi ta’ xi proġett partikulari. Jekk dan isir, il‑poplu jkun imċaħħad mid‑dritt tiegħu li jkollu l‑fatti kollha quddiemu ħalli jkun jista’ jgħarbel sew u bil‑kalma il‑proġett propost.

    1. Trasparenza sħiħa u pubblikazzjoni ta’ studji ta’ Cost‑Benefit Analysis

    Fiż‑żmien meta l‑aħbarijiet foloz (fake news) saru ħaġa komuni u donnu m’hawn l‑ebda rispett lejn il‑verità (post‑truth), id‑deċiżjonijiet dwar l‑ambjent għandhom ikunu bbażati fuq studji li jirriflettu r‑realtà tal‑fatti u mhux fuq tagħwiġ tal‑verità biex ikunu aġevolati interessi partikulari. It‑trasparenza fil‑proċess kollu ta’ deċiżjoni dwar proġett (mit‑tfassil sal‑approvazzjoni tiegħu) titlob li l‑informazzjoni dwaru għandha tkun ippubblikata. Għalhekk fil‑każ fejn hemm proġett li se jkun iffinanzjat mill‑Unjoni Ewropea, il‑KA temmen li l‑Analiżi tal‑Ispiża u l‑Benefiċċji (Cost‑Benefit Analysis), fejn din hija rikjesta mir‑regolamenti tal‑UE,  għandha tiġi  pubblikata u mhux moħbija taħt l‑iskuża li l‑informazzjoni tkun ta’ natura kummerċjali.

    1. L‑ambjent, il‑patrimonju tal‑pajjiż u l‑ġid komuni mhumiex għall‑bejgħ

    Iż‑żmien ta’ qabel elezzjoni huwa karatterizzat minn nies jittallbu għal favuri li wara l‑elezzjoni jissarrfu fi proġetti ta’ żvilupp. Il‑KA tixtieq tfakkar lill‑partiti politiċi fir‑responsabbiltà li jżommu mal‑prinċipju li l‑ambjent, il‑patrimonju tal‑pajjiż u l‑ġid komuni mhumiex għall‑bejgħ. 

    1. Trasparenza u kompetizzjoni ġusta

    Għandu jingħata bidu għal riformi biex ikun hemm trasparenza vera u kompetizzjoni ġusta fil‑mod kif il‑Gvern jikri, jagħti b’ċens jew jgħaddi art pubblika lil terzi persuni. 

    1. Restrizzjoni ta’ għoti ta’ direct orders

    L‑użu ta’ direct orders biex jiġu implimentati proġetti żgħar jew kbar mhux dejjem jiggarantixxi li l‑Gvern ikun qed jagħżel l‑aqwa mod biex tkun indirizzata xi kwistjoni ambjentali jew infrastrutturali. Dan jista’ jwassal għal interventi li jagħmlu ħsara lill‑ambjent jew lil sit/bini li huwa skedat. Għalhekk l‑użu ta’ dawn id‑direct orders għandu jieqaf, ħlief għal każijiet eċċezzjonali ta’ urġenza ta’ xogħlijiet li, jekk ma jsirux malajr, jistgħu jweġġgħu n‑nies jew tista’ ssir ħsara irreparabbli lill‑ambjent jew sit/bini li huwa skedat.

    1. Mekkanizmi ta’ checks and balances fl‑Awtorità tal‑Ippjanar

    Għandhom jiddaħħlu mekkaniżmi ta’ checks and balances fl‑Awtorità tal‑Ippjanar biex id‑deċiżjonijiet li jittieħdu jkunu sostenibbli fl‑interess ta’ kulħadd. Qed nirriskjaw bil‑kbir li fi żmien 20 sena oħra, pajjiżna mhux se jkun magħġun minn viżjoni ispirata mill‑ġid komuni u l‑ħtiġijiet tal‑ġenerazzjonijiet tal‑ġejjieni. Il‑viżjoni ta’ fejn irridu nkunu fi żmien 20 sena oħra m’għandhiex tkun il‑prerogattiva ta’ ftit nies li jistgħu jinfluwenzaw policies jew deċiżjonijiet ta’ ppjanar b’detriment għall‑kumplament taċ‑ċittadini komuni.

    1. Soluzzjonijiet għat‑traffiku

    It‑traffiku huwa kawża ewlenija ta’ tniġġiż u joħloq inkonvenjent kważi ta’ kuljum f’diversi żoni tal‑pajjiż. Għalhekk għandhom jiġu studjati bir‑reqqa proposti differenti bil‑għan li tiġi indirizzata sew il‑problema tat‑traffiku ta’ pajjiżna. Il‑bini ta’ toroq ġodda jsolvi l‑problema għal ftit snin, imma ma joffrix soluzzjoni dejjiema, għax filwaqt li nkunu naqqarna iktar art mill‑kampanja, inkunu xtrajna iktar karozzi (għax naħsbu li l‑pajjiż jiflaħ għal iktar karozzi) u mbagħad, wara ftit snin, nindunaw li erġajna ġejna fl‑istess sitwazzjoni li qegħdin fiha llum. Is‑soluzzjoni tidher li qiegħda f’li jitnaqqas l‑użu tal‑karozza u jiġu introdotti mezzi ta’ trasport tal‑massa. Barra minn hekk, biex iċ‑ċentri kummerċjali ma jkunux fgati iktar bil‑karrozzi, hemm bżonn li jinħolqu sistemi effiċjenti u effikaċi ta’ park‑and‑ride, li tassew iħajru lin‑nies biex jużawhom u hekk jinqdew aħjar milli jużaw il‑karozza privata tagħhom. F’dan il‑kuntest il‑KA titlob li l‑proġett ta’ parkeġġ, li hu propost li jsir taħt l‑art maġenb ir‑Rotunda tal‑Mosta, ma jsirx. Minfloku għandha tinħoloq sistema ta’ park‑and‑ride li twassal lill‑viżitaturi fiċ‑ċentru tal‑Mosta. Il‑maġġoranza tal‑ispazji ta’ parkeġġ ta’ ħdejn il‑knisja għandhom ikunu riservati għal min tassew għandu bżonnhom bħal persuni b’diżabilità, anzjani bi problemi ta’ mobilità u familji bi tfal żgħar.

    1. Konsultazzjoni pubblika fil‑bidu tal‑Cost‑Benefit Analysis dwar alternattivi għal proġett li jkun propost li jiġi ffinanzjat mill‑Unjoni Ewropea

    Meta jkun hemm proġett li jkun propost li jiġi ffinanzjat minn fondi tal‑Unjoni Ewropea u li jkollu bżonn (kif mitlub mir‑regolamenti tal‑Unjoni Ewropea) studju dwar l‑Analiżi tal‑Ispiża u l‑Benefiċċji (Cost‑Benefit Analysis), għandha ssir konsultazzjoni pubblika fil‑bidu tal‑proċess, biex ikunu identifikati alternattivi oħra għall‑proġett, li xorta jkunu se jwasslu biex jintlaħaq l‑għan aħħari tal‑proġett propost. B’dan il‑mod ikun żgurat li l‑alternattivi biex jintlaħaq l‑għan tal‑proġett iffinanzjat mill‑fondi Ewropej ikunu mgħarbla tajjeb qabel ma jintgħażel il‑proġett finali. Bħalissa, għalkemm dawn l‑alternattivi jiġu mistħarrġa, ma ssirx konsultazzjoni pubblika dwarhom. In‑nuqqas ta’ konsultazzjoni pubblika f’dan l‑istadju mhix aċċettabbli. Konsultazzjoni pubblika tista’ twassal biex jiġu identifikati proġetti alternattivi li jilħqu l‑istess għan tal‑proġett li jkun ġie identifikat oriġinarjament. Dawn l‑alternattivi  jista’ jkollhom impatti ambjentali, ekonomiċi, finanzjarji u soċjali li jkunu iktar favorevoli mill‑proġett li jkun ġie identifikat oriġinarjament mill‑amministrazzjoni tal‑ġurnata qabel ma jkun beda x‑xogħol fuq il‑Cost‑Benefit Analysis. Ir‑regolamenti tal‑Unjoni Ewropea ma jeskludux il‑konsultazzjoni pubblika, iżda ma jesiġuhiex. Fil‑fehma tal‑KA, din għandha tkun mandatorja u beħsiebha tippreżenta suġġeriment lill‑Unjoni Ewropea f’dan ir‑rigward, għax tħoss li jkun ta’ ġid mhux biss għal pajjiżna, imma għall‑istati kollha membri. Il‑KA temmen li fil‑każ ta’ pajjiżna, din il‑konsultazzjoni għandha tibda ssir irrispettivament x’tiddeċiedi l‑Unjoni Ewropea. Din il‑konsultazzjoni għandha tkun implimentata speċjalment fil‑każ ta’ proposti differenti ta’ trasport tal‑massa (imsemmija fi proposta 18) u fil‑każ tal‑proposta ta’ mina bejn Malta u Għawdex.

    1. Il‑proposta tal‑mina bejn Malta u Għawdex
    • Il‑proposta tal‑mina taħt il‑baħar bejn Malta u Għawdex jidher li għandha l‑appoġġ tal‑partiti politiċi ewlenin. L‑għan aħħari tal‑proġett huwa li tiffaċilita l‑aċċessibiltà bejn iż‑żewġ gżejjer.
    • Il‑KA issostni li qabel ma jkun deċiz għandhiex issir jew le l‑mina, għandhom jiġu studjati proġetti alternattivi li jwasslu xorta għall‑għan aħħari, jiġifieri dak ta’ aċċessibiltà aħjar bejn il‑gżejjer.
    • Kif semmejna fi proposta 19, f’każ li jkun propost li l‑proġett jiġi ffinanzjat minn fondi Ewropej, waqt l‑istadju ta’ Analiżi tal‑Ispiża u l‑Benefiċċji (Cost‑Benefit Analysis) għandha ssir konsultazzjoni pubblika biex jiġu studjati l‑alternattivi għal aċċessibiltà aħjar bejn iż‑żewġ gżejjer. B’hekk il‑mina ma tkunx preżentata bħala l‑unika soluzzjoni meta l‑alternattivi l‑oħra ma jkunux studjati bis‑serjetà. Il‑konsultazzjoni pubblika, flimkien mat‑tħejjija ta’ Analiżi tal‑Ispiża u l‑Benefiċċji (Cost‑Benefit Analysis), għandhom ikunu adottati anke jekk il‑finanzjament ma jkunx se jiġi minn sorsi li mhumiex fondi tal‑Unjoni Ewropea.
    • Waħda mill‑alternattivi li għandhom jiġu studjati hija servizz b’mezz ta’ trasport tal‑baħar li huwa iktar veloċi mill‑vapuri li hemm bħalissa, u li jwassal lill‑passiġġieri u l‑vetturi fil‑Port il‑Kbir u/jew destinazzjoni oħra.
    • Alternattiva oħra hija li jkun hemm taħlita ta’ servizzi, jiġifieri servizz bejn Għawdex u ċ‑Ċirkewwa li jinkludi vapuri ġodda u moderni flimkien ma’ servizz veloċi bejn Għawdex u destinazzjonijiet oħrajn f’Malta.
    • Jekk wieħed jistudja dawn l‑alternattivi u oħrajn li jistgħu jiġu proposti waqt il‑konsultazzjoni pubblika, l‑impatti finanzjarji, ekonomiċi, ambjentali, kulturali u soċjali jistgħu jkunu iktar pożittivi (jew inqas negattivi) minn dawk ta’ proġett massiv ta’ mina, li l‑impatti tiegħu jistgħu jkunu kbar kemm waqt it‑tħaffir tal‑mina nnifisha, kif ukoll meta tibda tintuża. Dan mingħajr ma nidħlu fil‑kwistjonijiet tar‑riskji relattivi tal‑proġett tal‑mina meta jkun ipparagunat mal‑alternattivi għalih. Wieħed ma jridx jinsa li, bil‑mina u mingħajrha, xorta waħda jrid ikun hemm servizz ta’ vapur bejn Malta u Għawdex. L‑ewwel nett għal skopijiet turistiċi minħabba l‑fatt li t‑turisti x’aktarx jippreferu li jgawdu l‑veduti tal‑kampanja fi triqthom lejn il‑vapur, u l‑veduti tal‑baħar minn fuq il‑vapur milli jaraw kilometri ta’ ħitan ta’ mina. It‑tieni minħabba l‑fatt li jrid ikun hemm alternattiva f’każ li l‑mina jkollha tingħalaq temporanjament minħabba xi raġuni jew oħra.
    • L‑ispiża ta’ proġett massiv u irreversibbli ta’ mina għandu r‑riskju (iktar minn dak ta’ proġetti inqas massivi) li l‑ispiża finali tkun ħafna ogħla milli proġettat. Imma altru tmur żmerċ bi ftit miljuni u altru d‑differenza tkun ta’ ħafna miljuni, liema piż ikun irid jinġarr mill‑poplu kollu.
    • Għandu jkun ikkalkulat tajjeb il‑prezz li jkollna nħallsu għas‑servizz li jipprovdu proġetti alternattivi. Is‑servizz ta’ aċċessibiltà permezz ta’ mina taħt il‑baħar jew alternattivi oħra mhux se jkun b’xejn. L‑ebda proposta ta’ proġett ta’ aċċessibilità aħjar, anke jekk ikun hemm marbut magħha Public Service Obligation, mhi se tkun b’xejn la għal min jużah, la għall‑operatur, u wisq inqas għall‑Gvern u għal kull min iħallas it‑taxxi. Biex ikun hemm deċiżjoni matura dwar il‑proġett finali, il‑prezz li wieħed ikun irid iħallas għas‑servizz ta’ aċċessibilità jrid ikun studjat bil‑galbu u ppubblikat minn qabel ma tittieħed id‑deċiżjoni.
    • L‑effett soċjali u kulturali fuq Għawdex huwa aspett fundamentali li jrid jiġi studjat bir‑reqqa. Permezz ta’ mina hemm possibilità li Għawdex jiġrilu bħal Malta li, f’ħafna nħawi, tilfet is‑sbuħija tal‑pajsaġġ karatteristiku tagħha.
    • Jissemma’ ħafna l‑effett ekonomiku li mina jista’ jkollha fuq Għawdex. Wieħed għandu jistudja dan l‑aspett fid‑dettall, u jmur lil hinn mill‑idea li aċċessibiltà aħjar biss (tkunx il‑mina jew kwalunkwe mezz ieħor) tista’ ssolvi l‑problemi ekonomiċi u ta’ investiment f’Għawdex. F’dan il‑kuntest, il‑KA titlob li jiġu ppubblikati l‑istudji u l‑istħarriġ kollha li saru s’issa dwar Għawdex taħt l‑aħħar żewġ amministrazzjonijiet u li fihom ġew studjati l‑kwistjonijiet tal‑investiment f’Għawdex, l‑aċċessibilità u l‑opportunitajiet ta’ xogħol li jistgħu jinħolqu permezz ta’ mina jew mezzi oħra ta’ aċċessibiltà aħjar.
    • Għandhom jintgħażlu tal‑inqas żewġ alternattivi serji għall‑mina u jiġu studjati fl‑Analiżi tal‑Ispiża u l‑Benefiċċji (Cost‑Benefit Analysis) flimkien mal‑proposta ta’ mina. Il‑KA fuq kollox issostni li l‑għazla tal‑alternattivi għandha ssir wara konsultazzjoni pubblika. Kompetizzjoni ta’ ideat minn intrapriżi innovattivi jistgħu jwasslu biex tinstab l‑aqwa soluzzjoni mil‑lat ambjentali u soċjali għall‑problema tal‑aċċessibiltà bejn Għawdex u Malta.
     
     
    L‑Għawdxin jiffaċċjaw sfidi kbar biex ikollhom is‑sehem mistħoqq mill‑ġid komuni tan‑nazzjon. Għalhekk il‑proċess tal‑għażla tal‑aħjar mezz ta’ aċċessibiltà bejn il‑gżejjer għandu jgħarbel u jikkunsidra bir‑reqqa l‑fehma tal‑Għawdxin. Il‑proċess tal‑għażla għandu jkun wieħed li fih il‑protagonisti jkollhom moħħ miftuħ għal kull possibiltà li tagħmel sens għall‑pajjiż kollu. Biex ikun hemm deċiżjoni aħħarija li tkun ta’ ġid għal pajjiżna, imma f’dan il‑każ għal Għawdex u għall‑Għawdxin b’mod partikolari, jeħtieġ li jkun hemm: (i) trasparenza fl‑istadji kollha tal‑proċess tad‑deċiżjoni; (ii) il‑pubblikazzjoni tal‑istudji kollha (qabel u mhux wara li tittieħed deċiżjoni); (iii) jingħata żmien diċenti biex dawn l‑istudji jiġu analizzati minn kull min huwa interessat; (iv) proċess rigoruż ta’ ppjanar. Fl‑assenza ta’ dawn il‑prinċipji, il‑KA tħoss li l‑opinjonijiet li jissawru dwar l‑aħjar mod ta’ aċċessibiltà bejn il‑gżejjer ma jkunux infurmati. B’hekk jista’ jiġri li settur privileġġat ikun qed jinfluwenza b’mod mhux proporzjonat deċiżjoni tant importanti li taffettwa b’mod permanenti mhux biss lil Għawdex u lill‑Għawdxin, imma lill‑pajjiż kollu.
  • Agħfas hawn biex taqra l-proposti tal-Kummissjoni Ambjent bil-Malti
    Agħfas hawn biex taqra l-proposti tal-Kummissjoni Ambjent bl-Ingliż
  • Ritratt: Ian Noel Pace