• Qabel il-Quddiesa ta’ kanonnizzazzjoni, il-Papa Franġisku ltaqa mal-Prim mInistru Portugiż, u wara kompla lejn is-Santwarju ta’ Fatima. Hemmhekk żar l-oqbra taż-żewġ ragħajja, u talab għal Francisco u Giacinta.
      
    Iċ-ċerimonja bdiet billi l-Papa ddikjara qaddisin liż-żewġ aħwa, bil-folla ta’ aktar minn 500,000 pellegrin infexxet f’ċapċipa waħda: “Niddikkjara lill-Beati Francisco u Giacinta, qaddisin”, qal il-Papa.
      
    Waqt ir-rit, il-familja ta’ Lucas, it-tifel li rċieva miraklu bl-interċessoni tal-aħwa Marto, telgħu bl-offerti. Dak il-ħin, it-tifel ma setax iżomm lura milli ma jgħannaqx lill-Papa Franġisku.
      
    Waqt l-omelija, il-Papa tkellem dwar l-impatt li l-laqgħa mal-Verġni Marija tħalli fuq il-ħajja tan-Nisrani u tkellem dwar kif, minkejja l-età tenera li għexu, ħajjet iż-żewġ ragħajja nbidlet ta’ taħt fuq. Filfatt, Francisco u Giacinta huma l-iżgħar qaddisin fl-istorja tal-Knisja li iżda mhumiex martri.
     
    Il-Papa Franġisku qal “Aħna għandna omm. Ejjew inżommu magħha bħal tfal. Hi ttina t-tama u l-paċi kollha li għandna bżonn, u nitlob għal ħuti kollha mgħammdin u għall-umanità kollha.”
      
    Fi tmiem il-Quddiesa, il-Papa sellem u bierek lill-morda preżenti u qalilhom biex “jgħixu ħajjithom fil-grazzja, u bħalma għamlu l-aħwa ragħajja, jitolbu lil Madonna biex joffru lill-Mulej qalbhom kollha.”