• “Iċ-champions tal-isport għandhom ikunu dejjem eżempji ta’ lealtà u djalogu, l-aktar għaż-żgħażagħ”, hekk qal il-Papa Franġisku lill-plejers ta’ Juventus u Lazio u lid-diriġenti tal-Lega Nazionale Professionisti Serie A, lejlet il-logħba finali tal-Coppa Italia.

    Fis-Sala Clementina fil-Vatikan, il-Papa tkellem fuq l-importanza tal-isport fil-ġurnata tal-lum. Faħħar lill-Juventus u Lazio talli huma “żewġ timijiet li minħabba jiksbu riżultati tajbin, huma maħbuba ħafna mill-isportivi”, u dan, saħaq il-Papa, “ifisser aktar impenn biex ikunu xhieda tal-valuri tal-isport”.

    Infatti, kompla jgħid il-Papa, “jekk tikkunsidra l-faxxinu li l-futbol professjonali għandu fuq in-nies, speċjalment fuq iż-żgħażagħ, il-protagonisti ta’ dan l-isport għandhom responsabbiltà kbira.”  

    “Dawk li huma meqjusa bħala ‘champions’ malajr isiru referenza għal ħafna nies. Għalhekk, kull logħba hi bħal eżami ta’ bilanċ, kontroll u osservanza tar-regoli. Min, bl-imġiba tiegħu, hu kapaċi jagħti prova ta’ dan kollu, ikun ta’ eżempju għall-ammiraturi tiegħu. Dan hu li nawgura lil kull wieħed minnkom: li tkunu xhied ta’ lealt, onestà, djalogu u ta’ umanità.

    l-Papa Franġisku fakkar li “sfortuntament, xi drabi, fl-istadiums jiġru każijiet ta’ vjolenza, li jħarrbtu l-andament tal-logħob u l-pjaċir tan-nies. Nittama li, f’dak li hu fil-kontroll tagħkom, tkunu tistgħu tgħinu biex l-isport jibqa’ sport, u grazzi għall-impenn personali ta’ kulħadd, tkunu mottiv ta’ għaqda bejn l-isportivi u s-soċjetà kollha.”

    Fl-aħħar nett, il-Papa rringrazzjahom talli marru jżuruh u awguralhom li jilgħabu logħba tajba u sabiħa.