• Il-Papa Franġisku bagħat telegramma lill-President il-ġdid ta’ Franza, Emmanuel Macron, u awguralu li f’din il-kariga l-ġdida, jibqa’ jagħti appoġġ lit-tradizzjonijiet spiritwali u morali tal-pajjiż, inkluż fejn jidħol il-Kristjaneżmu.

    “Nitlob li l-Mulej jagħtik l-għajnuna kollha tiegħu sabiex il-pajjiż tiegħek, li hu mgħoni bi tradizzjonijiet morali u wirt spiritwali, immarkati wkoll bit-tradizzjoni Nisranija, jaħdem biex ikompli jibni soċjetà aktar ġusta u fraterna,” qal il-Papa Franġisku.

    Kompla jgħid li “Fejn jidħlu d-differenzi u l-attenzjoni għal dawk is-sitwazzjonijiet ta’ vulnerabbiltà u l-esklużjoni, jalla l-pajjiż jikkontribwixxi għall-kooperazzjoni u s-solidarjetà bejn in-nazzjonijiet.”

    Fl-okkażjoni tal-investitura tal-President il-ġdid, li saret fuq fl-14 ta’ Mejju li għadda, il-Papa bagħat xix-xewqat it-tajba u awgura li l-uffiċċju tal-President ikun “għas-servizz” tal-poplu kollu ta’ Franza.

    Il-Papa Franġisku ħeġġeġ ukoll lil Franza sabiex tkompli trawwem l-apprezzament u tiddefendi d-dinjità ta’ kull persuna, inkluż “ir-rispett lejn il-ħaja” u t-tfittxija għall-paċi u l-ġid komuni fl-Ewropa u fid-dinja kollha.

    Il-messaġġ tal-Papa għalaq billi invoka l-barka tal-Mulej fuq il-President Macron u fuq iċ-ċittadini kollha ta’ Franza.