• Biex jitfakkru l-150 sena mit-twaqqif tal-Parroċċa tal-Imsida, nhar id-19 ta’ kull xahar, il-parroċċa qed togranizza attività marbuta mal-qaddis patrun tagħha San Ġużepp.

    Filfatt, għada l-Ġimgħa, 19 ta’ Mejju 2017, se jsir pellegrinaġġ bl-inkwatru titulari ta’ San Ġużepp b’Ġesù maġenbu. Dan hu l-istess inkwatru li normalment jintrama wara l-artal maġġur fil-knisja.

    Il-pellegrinaġġ se jibda b’quddiesa fis-6pm, li se tkun iċċelebrata mill-provinċjal tal-Franġiskani Minuri Patri Richard Grech, bis-sehem tal-orkestra u l-kor tat-tfal Shalom.

    Il-purċissjoni se ssir bis-sehem tal-arċikonfraternità tar-Rabat u l-fratellanza ta’ Ħ’Attard u se tgħaddi minn Triq ix-Xatt, Sciortino, il-Knisja, Dandria, Robert Naudi u Rue D’Argens.

    Għal din l-okkażjoni unika, l-inkwatru se jitniżżel minn postu u minflok, se jintrama fuq bradella biex jinġarr proċessjonalment bħalma jsir bl-istatwa tal-festa.

    L-Imsida saret parroċċa fl-1867, bl-ewwel knisja kienet dik iddedikata lill-Immakulata Kunċizzjoni, magħrufa bħala l-Knisja ż-Żgħira u li tinsab fi Triq il-Wied.

    L-ewwel ġebla tal-knisja parrokkjali li hemm bħalissa max-xatt, tpoġġiet fl-4 ta’ April 1886. Din il-parroċċa hi l-ewwel waħda fil-gżejjer Maltin li ġiet iddedikata lill-Patroċinju ta’ San Ġużepp.

    Illum-il ġurnata, il-parroċċa tal-Imsida tħaddan fiha mat-8,500 parruċċan u 2,500 familja.

    Iċ-ċelebrazzjonijiet tal-150 sena anniversarju bdew mill-1 ta’ Jannar 2017 u jilħqu l-qofol tagħhom fil-festa tal-qaddis, li se ssir fit-23 ta’ Lulju.

    Ritratt: Antoinette Debono