• Ħadd ma jaf min qatel lis-Soru Catherine Ann Cesnik, li kellha biss 26 sena.

    Is-Soru Cathy, kif kienu jsejħulha sħabha, inqatlet meta ħarġet tagħmel qadja, fil-lejla tas-7 ta’ Novembru 1969, fil-belt ta’ Baltimore, fl-istat Amerikan ta’ Maryland.

    Il-katavru tagħha nstab xahrejn wara ġo miżbla tal-iskart. Minn dak iż-żmien sal-lum, l-awtoritajiet baqgħu qatt ma sabu min qatilha u qatt ma ssolva l-misteru l-għaliex inqatlet.

    Għada, il-Ġimgħa, 19 ta’ Mejju 2017, serje ta’ Netflix bl-isem ta’ “The Keepers”, se terġa’ tiftaħ il-każ wara għadd ta’ intervisti ma’ xhieda u anke wara li saru testijiet ta’ xi evidenza.

    Dik is-sena li nqatlet, is-Soru Cathy u s-soru ħabiba tagħha Helen, iddeċiedew li jagħmlu sena ‘l bogħod mill-kunvent tal-kongregazzjoni tal-iSchool Sisters of Notre Dame, u bdew joqgħodu ġo appartament.

    Hi kienet tgħallem l-Ingliż fl-Archbishop Seton Keough Catholic High School, u l-allegazzjonijiet kienu li l-qattiel kien Fr A. Joseph Maskell, qassis li kien jieħu ħsieb il-kappella tal-għassa f’Baltimore stess.

    Fis-snin 90, ġie allegat li wettaq każi ta’ abbużi sesswali iżda sa meta miet, jiġifieri sal-2001, qatt ma nstab ħati ta’ dawn ir-reati. Ix-xniegħat madwar il-każ tas-soru huma li din inqatlet għax kienet taf bil-każi.

    Madanakollu, l-Arċidjoċesi ta’ Baltimore minn dejjem ċaħdet l-akkużi li ppruvat taħbi l-evidenza fuq il-qtil tas-Soru u r-reati ta’ Fr Maskell.

    “L-ispekulazzjonijiet li l-Arċidjoċesi ppruvat tagħmel cover-up huma foloz”, qalet l-istess Arċidjoċesi fi stqarrija li ħarġet reċentement qabel ma joħroġ id-dokumentarju ta’ Netflix.

    L-Arċidjoċesi qalet li kienet lesta tgħin u anke tagħti l-kummenti meħtieġa dwar il-każ lill-produtturi ta’ Netflix.

    “Sfortunatament, il-produtturi staqsewna ftit mistoqsijiet qabel ma joħoroġ is-serje u ma weġbux għat-talba tal-Arċidjoċesi li tirċievi kopja tas-serje waqt li ngaħtat kopja lill-mezzi tax-xandir”, qalet l-Arċidjoċesi ta’ Baltimore fuq il-websajt tagħha.