• Nhar it-Tlieta li għadda l-Papa Franġisku ltaqa’ mal-Kumitat ta’ COMECE, il-Kummisssjoni tal-Konferenza tal-Isqfijiet Ewropej, bi preparazzjoni għal “Rethinking Europe”, l-ikbar forum ta’ djalogu li COMECE se torganizza flimkien mas-Santa Sede bejn is-27 u d-29 ta’ Ottubru li 2017, bħala parti mis-60 sena anniversarju mit-Trattat ta’ Ruma.
     
    Waqt iż-żjara ta’ jumejn f’Ruma u l-Vatikan, il-membri ta’ COMECE ltaqgħu ma’ diversi awtoritajiet sabiex jiddiskutu l-isfidi ewlenin tal-Unjoni Ewropea u l-modi ta’ kif il-Knisja tgħin lil dan il-proġett Ewropew, f’mument fejn l-Ewropa tidher li tinsab f’salib it-toroq.
    Id-delegazzjoni ta’ COMECE kienet iffurmata mill-President, il-Kardinal Reinhard Marx, l-erba’ viċi presidenti, il-Mons. Jean Kockerols, Gianni Ambrosio, Czeslaw Kozon, Rimantas Norvila u s-Segretarju Ġenerali Fr Olivier Poquillon.
     
    “Rethinking Europe se jagħti bidu għal proċess ta’ djalogu bejn ir-rappreżentanti tal-Knisja (kemm isqfijiet u sekulari) u l-politikanti li għandhom responsabbiltà politika u jridu jieħdu deċiżjonijiet”, qal il-Kardinal Marx.
     
    Id-Djalogu ta’ Ruma għandu l-għan li jippromwovi fil-fond ir-riflessjoni dwar il-futur tal-Unjoni Ewropea, sabiex terġa’ tikseb lura l-fiduċja u l-entużjażmu li l-Papa Franġisku tkellem dwarha meta kien iltaqa’ mal-membri tal-Parlament Ewropew.
     
    Il-messaġġ ewlieni tal-Knisja hu li l-ewwel u qabel kollox terġa’ tpoġġi l-bniedem fil-qalba tal-politika ta-Unjoni Ewropea.