• Wara r-Regina Caeli fi Pjazza San Pietru, il-Ħadd, il-Papa Franġisku ħabbar li se jsir konċistorju ieħor biex ilaħħaq kardinali ġodda.

    Il-kardinali l-ġodda huma mill-Mali, Spanja, l-Isvezja, Laos u El Salvador. Il-konċistorju se jsir fit-28 ta’ Ġunju li ġej, lejlet il-festa ta’ San Pietru u San Pawl.

    Dan hu r-raba’ konċistorju li qed jagħmel il-Papa Fraġisku. Min kemm ilu jmexxi l-Knisja Kattolika, il-Papa ħatar 56 kardinal ġdid minn 39 pajjiż, 11 minnhom qatt ma kellhom kardinal qabel. Mis-56 kardinal, 44 minnhom huma eletturi, jiġifieri jistgħu jieħdu sehem waqt konklavi, waqt li 12 minnhom mhumiex.

    Dawn huma l-kardinali l-ġodda:

    L-Arċisqof Jean Zerbo ta’ Bamako, il-Mali.

    L-Arċisqof Juan José Omella ta’ Barcelona, Spanja.

    L-Isqof Anders Arborelius, l-Isqof ta’ Stokkolma, l-Isvezja.

    L-Arċisqof Louis-Marie Ling Mangkhanekhoun, Vigarju Appostoliku ta’ Paksé, Laos.

    L-Isqof Gregorio Rosa Chávez – Isqof Awżiljarju fl-Arċidjoċesi ta’ San Salvador, El Salvador.