Filmat: Kunċert mill-kor personali tal-Papa Franġisku

  •  
  • Il‑kor Cappella Musicale Pontificia Sistina, il‑kor personali tal‑Papa, ser jagħti kunċert ta’ mużika sagra bl-isem ‘Exsultate Deo’, nhar il‑Ġimgħa, 9 ta’ Ġunju, fis‑7:30 p.m., fil‑KonKatidral ta’ San Ġwann, il‑Belt Valletta. Din hija opportunità unika għal kull min jixtieq jattendi kunċert mill‑kor tal‑Papa, l-iktar kor antik fid-dinja, li huwa responsabbli mill‑akkumpanjament mużikali tac‑ċelebrazzjonijiet liturġiċi ppreseduti mill‑Papa Franġisku.

    Ir‑repertorju tal‑kunċert f’Malta jikkonsisti f’siltiet mużikali ta’ kompozituri Ewropej tas-seklu 16, li huma magħrufa l‑iktar għall‑mużika sagra. Dawn jinkludu ‘Miserere’ tal‑kompożitur Gregorio Allegri, u siltiet mużikali oħra minn Orlando di Lasso, Giovanni Pierliugi da Palestrina u Tomás Luis de Victoria, u wkoll silta mużikali Gregorjana.

    Dan il‑kor polifoniku, li l‑istorja tiegħu tmur lura għall‑ewwel sekli tal‑Knisja, hu ffurmat minn 35 tifel, li jkantaw il-vuċijiet tas-soprani u l-alti, u minn 20 adulti, 11‑il tenur u 9 baxxi. Il‑kor hu mmexxi mis‑surmast Mons. Massimo Palombella, saċerdot Salesjan.

    Il‑kor tal‑Kappella Sistina, minbarra li janima ċ‑ċelebrazzjonijiet liturġiċi mmexxija mill‑Papa fil-Vatikan,  jagħti wkoll numru ta’ kunċerti bħala parti mill‑missjoni tiegħu li jwassal il‑Bxara t‑Tajba tal-Evanġelju permezz tal‑kant u l‑mużika. Fix‑xhur li ġejjin, għall-ewwel darba, il‑kor ser jagħti kunċert f’Detroit, l‑Istati Uniti. 

    Il‑biljetti għall‑kunċert, li qed jiġi organizzat mill‑Arċidjoċesi ta’ Malta b’korteżija tal‑Victoria International Arts Festival, jinxtraw online mill‑websajt www.teatrumanoel.com.mt. Japplikaw ukoll rati speċjali għall‑persuni b’diżabilità, l‑anzjani u l‑istudenti. L-organizzaturi jixtiequ jfakkru li mhux permess li jintlibsu tkaken stiletto fil-KonKatidral ta’ San Ġwann.

    Dan il‑kunċert qed jittella’ wkoll bl‑appoġġ tal‑APS Bank, il‑Kunsill Malti għall‑Arti, u t‑Teatru Manoel.

  • Ritratti: Ufficcju Komunikazzjoni, Kurja
    Filmat: Media Centre