"Għandna nafdaw bl-istess fidi sempliċi ta' San Franġisk u ta’ Santa Ġjaċinta ta' Fatima" - L-Arċisqof

L-Arċisqof jiċċelebra Quddiesa tal-Festa tal-Madonna ta’ Fatima fil-Knisja Parrokkjali ta’ Gwardamanġa

  • Omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna

  • Quddiesa tal-festa tal-Madonna ta' Fatima, Gwardamanġa

    28 ta' Mejju 2017

    Il-festa ta’ din is-sena tagħtina l-okkażjoni biex nirriflettu b’mod profond fuq il-messaġġ li Sidtna Marija xtaqet tafda lit-tliet ragħajja ta’ Fatima.

    Jiena nixtieq nissuġġerixxi ftit ħsibijiet u nixtieq ukoll ngħaddihom lil din il-parroċċa hi u tiċċelebra l-bidu tal-Ġublew tad-Deheb. Qegħdin fil-ħamsin sena tagħkom bħala parroċċa, is-sena d-dieħla tagħlquhom il-ħamsin, imma qegħdin tgħixu l-ħamsin sena bħala parroċċa.

    L-ewwel ħsieb: kif smajna fl-Evanġelju li għadna kemm qrajna, il-Mulej, qabel ma miet, iddeċieda li jagħti lill-ommu maternità partikolari. Ħares lejn id-dixxiplu fidil tiegħu, Ġwanni, u qallu “Ara, hawn hi ommok”. Ħares lejn ommu wieqfa ħdejn is-salib tiegħu u qalilha “‘Hawn hu Ibnek”. U minn dak il-ħin id-dixxiplu ħa lil Marija għandu’” (Ġw 19, 26-27). It-tradizzjoni kostanti tal-Knisja tagħraf dan l-affidament, affidament mhux biss storiku u temporanju, imma l-affidament tal-umanità lil Marija u l-affidament ta’ Marija lill-umanità. Ħdejn is-salib ta’ binha, omm Ġesù ssir omm tal-umanità, issir “Eva l-ġdida” omm il-ħajjin kollha. Hu u jmut u jerħi l-ispirtu tiegħu, il-Mulej isir is-sid ta’ ħajtu u lil-ommu jagħmilha omm l-ħajjin kollha.

    Mela ż-żjara ta’ Marija lit-tliet ragħajja ta’ Fatima rridu narawha f’dan il-kwadru tal-maternità ta’ Marija li tinterċedi kontinwament quddiem Alla, għall-familja tagħha, għal uliedha li huma aħna, u fl-istess ħin tħeġġiġna biex nagħmlu bħalma qalet fit-tieġ ta’ Kana “nagħmlu dak li qalilna binha Ġesù” (ara Ġw 2, 5).  Mhux ta’ b’xejn li ż-żjara tagħha lil dawn it-tliet itfal kienet żjara storikament relevanti, mitt sena ilu. L-Ewwel Gwerra Dinjija kienet f’mument ta’ ħruxija kbira; mitt sena ilu, ir-Russja kienet f’taqlib kbir. Il-gwerra kellha tispiċċa fi żmien sena imma magħha ġabet taqlib kbir fl-Ewropa u fil-kolonji Ewropej ta’ madwar id-dinja kollha.  U l-interċessjoni tal-omm tistieden lill-umanità biex tissieħeb f’din l-għajta għall-konverżjoni, għall-interċessjoni mhux biss għall-penitenza imma wkoll għat-talb għall-midinbin.

    It-tieni ħsieb huwa li b’mod speċjali fis-sena tal-kanonizzazzjoni ta’ Franġisku u ta’ Ġiaċinta, nitgħallmu li l-qdusija hija sejħa għal kulħadd mingħajr għażla ta’ kundizzjoni, mingħajr diskriminazzjoni ta’ età, u li anke t-tfal ragħajja ta’ Fatima huma msejħin għall-qdusija u l-qdusija tagħhom hija rikonoxxuta mill-Knisja. Din hija sejħa biex aħna lkoll, f’kull stat ta’ ħajjitna u f’kull epoka ta’ ħajjitna, nitħabbtu biex bl-għajnuna tas-sagramenti ngħixu l-ħajja ta’ qdusija li hija l-ħajja tal-imħabba.

    Jiena jolqotni l-fatt li f’ħafna ritratti li ttieħdu tat-tliet ragħajja wara d-dehriet, rari tara ritratt tar-ragħajja ta’ Fatima jitbissmu, donnu l-esperjenza tal-viżjonjiet tal-infern u tat-traġedja ta’ min jara l-ħażin  impressjonathom wisq. Jekk hemm messaġġ importanti mill-esperjenza mistika ta’ dawn it-tliet ragħajja hija l-fatt li l-bniedem huwa maħluq liberu, l-għażla jrid jagħmilha hu, imma l-konsegwenzi tal-għażliet tiegħu, irid ukoll iġorrhom miegħu.  U allura l-istedina ta’ Marija hija biex il-libertà tagħna nużawha sew għaliex il-Mulej ma jibgħat lil ħadd fl-infern, imma l-esperjenza ta’ dawn it-tliet itfal ċkejknin kienet terribbli. Kienet l-esperjenza ta’ min jista’ jagħmel ħażin u hemm konsegwenzi kbar tal-għażliet li jagħmel.

    Din l-esperjenza ġġegħalna nirrikorru b’ħerqa kbira lejn il-ħniena tal-Mulej. Tant hu hekk li Franġisku u Ġiaċinta offrew it-talb u l-mewt tagħhom f’età tenera għall-konverżjoni tad-dinja. Fil-ktieb li ħareġ il-Kardinal Ratzinger fis-sena 2000, ma ppubblikax biss it-tliet sigrieti ta’ Fatima, imma tahom ukoll interpretazzjoni. Dak li kellu jsir il-Papa Benedittu XVI spjega l-qawwa tal-interċessjoni u tat-talb. Hu kellu din il-frażi li kien ikkonfermha wkoll meta, bħala Papa, mar Fatima u kkonferma dan it-tagħlim: li t-talb tal-innoċenti huwa kapaċi jibdel il-kors tal-istorja.

    Dan huwa messaġġ qawwi. M’hemm xejn miktub fid-destin li ma jistax jinbidel bil-qawwa tat-talb. Aħna l-bnedmin imdorrijin, anke minħabba l-kultura teknoloġika, nafdaw biss fir-regoli tal-każwalità naturali “cause and effect”, kawża u effett. Imma l-esperjenza mistika ta’ Fatima tgħallimna wkoll li l-qawwa tal-innoċenti u tal-ġust, hija qawwa kbira għax hija l-qawwa tat-talb.

    Għalhekk il-messaġġ li bih nixtieq nikkonkludi hu li aħna nafdaw b’fidi sempliċi, l-istess fidi tal-qaddisin tfal ġodda, bil-fidi ta’ San Franġisk u ta’ Santa Ġiaċinta, bit-talb sempliċi tal-familji, tat-tfal tagħna, tal-komunitajiet tagħna.

    Għalhekk id-devozzjoni lejn il-Madonna ta’ Fatima mhix biss devozzjoni lejn il-qalb bla tebgħa ta’ Marija, dik il-qalb immakulata li kienet taf tagħti tbissima lill-Mulej, imma hija wkoll devozzjoni lejn ir-Rużarju Mqaddes tagħha li ġie mżejjen minn San Ġwann Pawlu II, bħalma kien issuġġerixxa San Ġorġ Preca, bil-Misteri tad-Dawl. Għandna dawn l-erba’ stazzjonijiet: il-Misteri tal-Ferħ, il-Misteri tad-Dawl, il-Misteri tat-Tbatija u l-Misteri tal-Glorja li fir-rużarju tal-Madonna huma kompendju tal-Iskrittura, kompendju tal-Evanġelju.

    Għalhekk l-iskola tal-Madonna ta’ Fatima hija wkoll skola ta’ evanġelizzazzjoni. Il-Mulej, kif kien ħabbar it-tielet Misteru tad-Dawl, huwa dak li jħabbar is-Saltna ta’ Alla u jistieden għall-indiema. Il-Madonna, fl-esperjenza mistika ta’ dawn it-tliet ragħajja, tat messaġġi qawwija, imma ewlieni fosthom huwa li aħna rridu ngħixu l-ispirtwalità tat-talba li għallimna Ġesù u kontinwament ngħidu lill-Mulej “Jitqaddes ismek, tiġi saltnatek, ikun li trid int kif fis-sema hekkda fl-art” (Mt 6, 9-10). Aħna nitolbu lill-Madonna bit-titlu tal-Madonna ta’ Fatima u nitolbuha li tagħmel minna dixxipli veri ta’ Ġesù bl-interċessjoni tal-qaddisin Franġisku u Ġjaċinta. Sidtna Marija ta’ Fatima, itlob għalina.

     Charles J. Scicluna     
         
    Arċisqof ta' Malta