€9,350 miġbura mill-Maltin għall-vittmi fis-Sirja

  • Permezz ta' Caritas Malta, il-Maltin ġabru s-somma ta' €9,350 sabiex imorru għall-vittmi f'Aleppo, is-Sirja.

    Caritas Malta kienet fetħet fond ta' emerġenza biex l-għajnuna finanzjarja tintbagħat lill-Caritas Internationalis, li tgħin lill-vittmi ta’ Aleppo, speċjalment fejn hemm l-iktar bżonnijiet ta’ saħħa, ilma u sanità, sistema ta’ edukazzjoni u xelters għal dawk il-persuni li tilfu dak kollu li kellhom. 

    Min-naħa tagħha, Caritas Sirja se timplimenta programm ta’ sena li jinkludi salvataġġ ta’ ħajjiet ta’ persuni. Se taħdem ukoll biex terġa' tibni l-ħajja ta’ dawk li tilfu kollox u dan b’mod sostenibbli. Caritas Syria tkompli wkoll f’ħidma sħiħa fejn tipprovdi l-ewwel bżonnijiet bażiċi tal-bniedem, ikel, fejn jgħix u x’jilbes, edukazzjoni, kif ukoll kull tip ta’ għajnuna oħra psikoloġika permezz tat-terapisti tagħha.

    L-għan tal-proġett hu biex dawk il-familji kollha affettwati, jerġa’ jkollhom l-opportunità jibnu l-komunità tagħhom u t-tfal jerġgħu jibdew jattendu għall-edukazzjoni fl-iskejjel li jinbnew. Dawn jingħataw dak kollu li jkollhom bżonn inkluż stationery u affarijiet oħra għall-iskola.  

    Caritas Malta tinforma lill-pubbliku li l-fond ta' emerġenza hu magħluq u għan-nom ta’ Caritas Internationalis tirringrazzja lill-pubbliku li jikkonkori permezz tad-donazzjonijiet.