Kappillan ġdid għall-Parroċċa tal-Immakulata Omm il-Knisja, l-Ibraġ

    • L‑Arċisqof Charles J. Scicluna ħatar lil Dun Blake Camilleri bħala kappillan tal‑Parroċċa tal‑Immakulata Omm il‑Knisja, l‑Ibraġ.

      Dun Blake Camilleri twieled fit‑8 ta' Mejju 1984. Huwa rċieva l‑edukazzjoni tiegħu fl‑iskola ta’ Stella Maris f’Ħal Balzan u l‑edukazzjoni sekondarja fis‑Seminarju Minuri tal‑Arċisqof, Tal‑Virtù, ir‑Rabat. Kompla bl‑edukazzjoni terzjarja fil‑Fakultà tat‑Teoloġija (Filosofija u Teoloġija) fl‑Università ta’ Malta, fejn studja wkoll it‑Teoloġija Pastorali.

      Dun Blake ġie ordnat saċerdot fit‑23 ta' Ġunju 2010. Beda l‑ħidma pastorali tiegħu bħala djaknu u mbagħad bħala viċi arċipriet fil‑Parroċċa ta’ Marija Mtellgħa s‑Sema, il‑Mosta. Dun Blake għamel sentejn jistudja fl‑Accademia Pontificia Ecclesiastica f’Ruma. Għal dawn l‑aħħar seba’ xhur kien qed iservi bħala viċi arċipriet fil‑Parroċċa ta’ San Filep, f’Ħaż‑Żebbuġ.

      Il‑Parroċċa tal‑Immakulata Omm il‑Knisja, l‑Ibraġ, tiġbor fiha madwar 9,000 persuna fi 3,000 familja.