"Id-don tal-Ispirtu s-Santu jagħti lill-Knisja l-qawwa li taħfer, il-qawwa li tgħaqqad l-umanità ma' Alla" - L-Arċisqof

  • Konkatidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta

    4 ta’ Ġunju 2017

    “Ħudu l-Ispirtu s-Santu, dawk li taħfrulhom dnubiethom ikunu maħfura, u dawk li żżommuhomlhom ikunu miżmuma” (Ġw 20, 22-23). Fil-bidu tal-ministeru pubbliku tiegħu, Ġesù daħal f’konfront u f’konflitt mal-Fariżej għaliex lil wieħed żagħżugħ li kien paralizzat, mhux biss fejqu, imma l-ewwel li qallu kien “dnubietek maħfura”. Il-Fariżej oġġezzjonaw li din il-kelma seta’ jgħidha biss Alla; “Alla  biss jista’ jaħfer id-dnubiet” qalu.

    Il-Mulej, li fehem x’kienet l-oġġezzjoni tagħhom u x’kienu qegħdin jgħidu bejniethom, sejjaħ lil dak il-mifluġ u qallu: “Qum, aqbad friexek u imxi”. U qalilhom, “X’inhu l-eħfef tgħid dnubietek maħfura jew inkella tgħid lil dan ir-raġel qum erfa’ l-friex tiegħek u imxi?” (Mt 9, 2.5). Ma kienux jafu x’se jgħidulu. Żgur hu li kellhom raġun jgħidu li Alla biss seta’ jaħfer id-dnubiet. Ma setgħux jgħarfu li quddiemhom kellhom l-Iben t’Alla magħmul bniedem.

    Illum niċċelebraw id-don tal-Ispirtu s-Santu lill-Knisja, lid-dixxipli tal-Mulej u nifirħu li ta s-setgħa lill-komunità tiegħu li taħfer id-dnubiet. “Dawk li taħfrulhom dnubiethom ikunu maħfura”. Se jgħix fostna, se jkun magħna, se jaħfer permezz tagħna, se jqarreb l-umanità lejn Alla permezz tal-Knisja tiegħu. U waqt li aħna naħfru d-dnubiet, nitolbu wkoll maħfra għad-dnubiet tagħna.

    “Ħudu l-Ispirtu s-Santu”. Huwa l-Ispirtu s‑Santu li jfakkarna fil-grazzja tal-Mulej, li jfakkarna fil-ħtieġa biex nitolbuh maħfra, hu li għallimna nifhmu u nemmnu li Ġesù hu l-Mulej. Għax bħalma jgħid San Pawl fl-Ewwel Ittra lill-Korintin li minnha smajna t-Tieni Qari “ħadd ma jista’ jgħid ‘Ġesù hu l-Mulej’ jekk mhux imqanqal mill-Ispirtu s-Santu” (v. 3)  

    Ikompli jgħid: “aħna lkoll tgħammidna fi spirtu wieħed [. . .] ilkoll xrobna minn Spirtu wieħed” (v. 13). Tgħammidna u xrobna, dawn iż-żewġ verbi jfakkruna fiż-żewġ sagramenti l-kbar: il-Magħmudija u l-Ewkaristija. Ilkoll tgħammidna fi spirtu wieħed, ilkoll xrobna minn spirtu wieħed. Meta nirċievu l-Ewkaristija, aħna qegħdin nixorbu minn spirtu wieħed; meta nitgħammdu jew inqerru, inkunu qegħdin niġu rikonċiljati mal-Mulej fi spirtu wieħed biex nagħmlu ġisem wieħed.

    Għalhekk din il-festa solenni hija wkoll il-festa tal-komunjoni bejnietna għax huwa l-qawwa tal-Ispirtu s-Santu. Bħalma jgħid il-kbir San Irinew, “aħna l-għaġna, imma għandna bżonn dik in-nida, dik ir-ruġġjata, dak l-ilma li jagħmel l-għaġna possibbli. U dak l-ilma frisk huwa l-Ispirtu qaddis tal-Mulej, li huwa wkoll nar; huwa l-ilma li permezz tiegħu l-għaġna tista’ ssir għaġna, imma huwa wkoll in-nar li fiha l-għaġna ssir ħobż għas-salvazzjoni tad-dinja (ara t-2 Lezzjoni mill-Uffiċċju tal-Qari ta’ Għid il-Ħamsin mit-Trattat tal-Isqof San Irinew “Kontra l-ereżiji”) .

    “Ibgħat l-Ispirtu tiegħek, Mulej, ġedded il-wiċċ tal-art” (S 104, 30) . Dan il-mument solenni mhux biss fl-istorja annwali tal-Knisja, imma anke ta’ pajjiżna, nitlob l-Ispirtu Qaddis tal-Mulej li bil‑fewġa ħelwa tiegħu jnissel fuqna lkoll l-Ispirtu tal-għaqda u ta’ rikonċiljazzjoni.

     Charles J. Scicluna     
         
    Arċisqof ta' Malta