• Irġiel u nisa ta’ rieda ta’ tajba minn madwar id-dinja kollha, illum il-Ħamis wieġbu għax-xewqa u l-gaħjta tal-Papa Franġisku biex jingħaqdu fit-talb u jipparteċipaw fl-inizjattiva “Minuta għall-Paċi”.

    L-appell tal-Papa għat-talb fuq livell internazzjonali sar nhar l-Erbgħa, waqt l-Udjenza Ġenerali, meta semma li din l-inizjattiva tirrappreżenta wkoll il-laqgħa li kienet saret fil-Vatikan bejn il-Papa, il-President Iżraeljan Shimon Peres u l-President Palestinjan Mahmoud Abbas.

    Il-laqgħa kienet saret proprju fit-8 ta’ Ġunju 2014, meta t-tliet mexxejja talbu flimkien għall-paċi.

    “Illum-il ġurnata,” qal il-Papa Franġisku, “hawn ħafna bżonn nitolbu – Insara, Lhud u Musulmani – għall-paċi.”

    L-Isqof ta’ Aleppo, Antoine Audo, qal li inizjattivi bħal dawn huma importanti u rringrazzja lill-Papa talli “juża affarijiet żgħar biex ma ninsewx il-bżonn tal-paċi u li kulħadd jista’ jibni l-paċi fid-dinja.”

    Hu qal ukoll “Nammira din l-inizjattiva: tgħinna ħafna. Imma bħala isqof li ngħix f’Aleppo u s-Sirja, ikolli ngħid li aħna mxebbgħa bil-perspettiva li ħafna għandhom dwar il-paċi; ikollna nistennew, nistennew u nistennew, u fl-istess ħin il-familji u ż-żgħażagħ tagħna qed jitilqu mill-pajjiż u din iġġibilna ħafna niket” qal l-Isqof Audo. 

     

    Sors: Radju tal-Vatikan