Jintemm l-Aġġornament tal-Kleru 2017

  • Mal-200 membru tal-Kleru (kemm djoċesani kif ukoll reliġjużi) attendew għal tliet ijiem ta' taħriġ, hekk imsejjaħ Aġġornament Teoloġiku-Pastorali, bħala parti mill-continuous professional development tal-qassis.

    It-tema li ntagħżlet għal din is-sena hi: Lejn dixxerniment, akkumpanjament u integrazzjoni: x'jgħinna nipprattikawhom?

    Fid-dawl tal-Eżortazzjoni Apostolika Amoris Laetitia li kiteb il-Papa Franġisku, l-għan prinċipali ta' dawn it-tliet ijiem kien li s-saċerdoti jkomplu jiżviluppaw l-atteġġjamenti u jsaħħu l-ħiliet neċessarji sabiex jakkumpanjaw il-koppji fid-dinja tal-lum. 

    Fl-ewwel ġurnata ta' taħriġ, Dun Anton Teuma indika l-atteġġjamenti neċessarji sabiex il-qassis ikun jista' jgħin il-koppji fit-tfittxija tagħhom ta' Alla u tat-tajjeb. Hawn ġie identifikat il-bżonn li l-qassis jagħraf jaċċetta d-dgħufijiet tiegħu u japprezza d-dinjità tiegħu quddiem Alla. Dan jgħinu sabiex ikun jista' jimxi mal-persuni li jiġu għandu b'sens ta' rispett, akkoljenza u paċenzja.

    Fit-tieni ġurnata, il-Professur Dun Ġorġ Grima tkellem fuq il-kuxjenza u l-valur tal-qassis biex jikkura u jifforma l-kuxjenza mingħajr ma jieħu postha. Fisser x'jiġifieri meta l-individwu jibni l-ħajja morali tiegħu fuq il-libertà u kif jista' joffri spazji li jagħmlu l-ħajja morali ħajja sabiħa. Tul il-ġurnata, tliet saċerdoti tkellmu u semmew esperjenzi konkreti ta' kif kienu mistednin jgħinu fil-formazzjoni tal-kuxjenza u l-isfidi marbuta.

    Dr Nadia Delicata, li kienet il-kelliema tal-aħħar ġurnata tat-taħriġ, iffokat fuq t-tema: L-att uman, l-imputabilità u r-responsabbiltà. Wara li ċċarat x'wieħed jifhem meta jgħid "dnub" hija tat għajnuniet sabiex wieħed japprezza aħjar ir-responsabbiltà morali tal-persuna u l-limiti li jista' jkollha. Waqt is-sessjoni, is-saċerdoti kellhom ukoll iċ-ċans jaqsmu l-esperjenza tagħhom u anke jistaqsu kif l-aħjar jimxu jimxi f'sitwazzjonijiet simili.

    It-tliet ijiem tal-Aġġornament tal-Kleru ntemmew b'messaġġ tal-Arċisqof Charles J. Scicluna. 

  • Ritratti: Uffiċċju Komunikazzjoni, Kurja