• ***

    Direttur:          Roger Michell

    Atturi:              Rachel Weisz, Sam Claflin, Iain Glen, Holliday Grainger, Andrew Knott, Poppy Lee Friar, Katherine Pearce u Simon Russel Beale

    Ħin tal-Film:    106 min

    Maħruġ minn KRS Releasing Ltd

    KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA:                 12A

    KLASSIFIKA TAL-KNISJA:                      15


    Ambrose Ashley, proprjetarju ta’ estate kbir qrib Cornwall, hu l-kuratur ta’ Phililp, il-kuġin tiegħu minħabba li kien għadu taħt l-età. Kull nhar ta’ Ħadd, il-parrinu  ta’ Philip, Nick Kendall u t-tifla tiegħu, Louise, kienu jiġu għall-ikel. Ambrose, minħabba saħħtu, kien iqatta’ ix-Xitwa ġewwa l-Italja. Philip, ġuvni ta’ 20 sena, kien iħoss ħafna n-nuqqas ta’ Ambrose għalkemm żamm kuntatt miegħu permezz ta’ ittri. F’waħda mill-ittri, Ambrose jikteb li kien iltaqa’ma’ kuġina, Rachel, ġewwa Firenze. Jgħaddi ftit ta’ żmien u Ambrose, f’ittra oħra infurmah li kien iżżewweġ lil Rachel u li ma kellux pjan jirritorna lejn Cornwall. Ftit  ta’ żmien wara, t-tonalità tal-ittri tinbidel. Ambrose jikteb  li ma kienx kuntent f’Villa Sangaletti u li beda jbati b’uġigħ ta’ ras. F’ittra oħra, jistqarr li ma baqagħlu fiduċja f’ħadd u li Rachel kontinwament kienet għassa tiegħu. Philip jiddiskuti din l-ittra ma’ Nick u jiddeċiedi li jmur l-Italja biex jara x’qiegħed jiġri. Philip beda jaħseb ħażin f’Rachel.  

    Fl-Italja, Philip isib li Ambrose kien miet u li Rachel kienet telqet mill-villa. Lura lejn Cornwall, Philip jirċievi ċ-ċertifikat tal-mewt ta’ Ambrose u notifika li Ambrose qatt ma kien iffirma t-testment favur martu Rachel. Dan kien ifisser li Philip kien l-eredi tal-estate. Ġimagħtejn wara, Rachel tasal  Plymouth u  Philip jistedinha biex tiġi toqgħod miegħu. Fi ftit ta’ żmien żviluppat bejniethom ħbiberija speċjali. Jum wieħed, iżda, Philip jirċievi ittra, miktuba minn Ambrose tliet ġimgħat qabel ma miet, fejn infurmah li Rachel xejn ma kienet tibża’ għall-flus, li kellha ħbiberija speċjali ma’ Rainaldi u kien qiegħed jissuspetta li kienet qegħda tavvelenah ftit ftit. Għalkemm kellu din l-informazzjoni, Philip kompla  juri interess f’Rachel tant li kien lest li meta jagħlaq ħamsa u għoxrin sena, jiżżewwiġha u jħalli kollox lilha. X’jiġri minn hawn?

    Film Amerikan – Brittaniku u hu msejjes fuq novella miktuba minn Daphne du Maurier, ippubblikata fis-sena 1951. Id-direzzjoni u l-kitba huma taħt id-direttur Roger Mitchell.  

    Minħabba t-tema tal-film fejn Philip  jibda jaħseb ħażin u jippjana vendetta fuq Rachel, għalkemm jibda jinġibed lejha u anke jkun lest li jiżżewwiġha, jkun tajjeb li l-film jarawh dawk li għalqu l-15-il sena.