• Omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna

  • Kon-Katidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta

    24 ta’ Ġunju 2017

    Nixtieq minn qalbi nagħti merħba lill‑membri kollha tat‑Tlettax‑il Parlament mill‑Indipendenza ta’ Malta. Nirringrazzja lil kull wieħed u waħda minnkom għall‑preżenza tagħkom hawn illum, aħna u nitolbu l‑għotja tal‑Ispirtu s‑Santu fuqkom u fuq il‑missjoni tagħkom fis‑soċjetà.

    Nixtieq nagħti merħba wkoll lill‑Onorevoli Prim Ministru, lill‑Onorevoli Speaker tal‑Kamra tad‑Deputati, lill‑Onorevoli Kap tal‑Oppożizzjoni, lill‑Onorevoli Prim Imħallef u l‑Imħallfin u l‑Maġistrati, lill‑Eċċellenzi tagħhom l‑Ambaxxaturi, il‑membri tal‑Korp Diplomatiku u lill‑mistednin distinti.

    L‑Ewwel Qari mill‑Ktieb tal‑Proverbi, jemfasizza numru ta’ kwalitajiet u barkiet li minn dejjem kienu meqjusa fl‑għola stima miċ‑ċiviltajiet kollha, kemm antiki u kemm moderni: il‑lealtà, il‑fedeltà, il‑fama tajba, il‑fehma, il‑ħajja twila, l‑għana, il‑ġieħ, l‑għaxqa, il‑paċi, l‑hena. Dawn kollha huma l‑frott magħżul tal‑għerf: “hieni l‑bniedem li jsib il‑għerf.” U l‑għerf huwa barka mingħand il‑Mulej: “Ittama fil‑Mulej b’qalbek kollha […] Toqgħodx taħseb kemm inti għaref, imma ibża’ mill‑Mulej u warrab mill‑ħażen.”

    J’Alla l‑Mulej, fit‑tjieba u l‑ħniena tiegħu, ibierek lilkom u l‑ħidma sfieqa tagħkom bid‑don tal‑għerf. Nixtieq naqra silta mid‑diskors li l‑Papa Benedittu XVI għamel fil‑Bundestag f’Berlin, nhar it‑22 ta’ Settembru 2011: “Il‑politika għandha tistinka għall‑ġustizzja u hekk trid tistabbilixxi minn qabel il‑kundizzjonijiet fundamentali għall‑paċi. Naturalment, kull politiku se jfittex is‑suċċess li mingħajru ma jkollux l‑opportunità biex jieħu azzjoni politika effettiva. Biss, is‑suċċess huwa subordinat għall‑kriterju tal‑ġustizzja, għar‑rieda li jagħmel dak li huwa sewwa u għall‑fehma ta’ dak li huwa tajjeb; is‑suċċess jista’ jisseduċina u hekk jiftaħ il‑mogħdija għall‑falsifikazzjoni ta’ dak li hu tajjeb, għall‑qerda tal‑ġustizzja. Santu Wistin jgħid: ‘mingħajr ġustizzja ‑ x’ikun l‑istat jekk mhux ġgajta kbira ta’ ħallelin?’”

    San Pawl jgħidilna li min hu fl‑awtorità huwa “qaddej ta’ Alla għall‑ġid tiegħek,” għall‑ġid tagħna, għall‑ġid komuni

    It‑Tieni Qari li smajna mill‑Ittra ta’ San Pawl Appostlu lir‑Rumani jagħtina pedament sod għall‑ħajja tagħna flimkien: “Tħallix il‑ħażen jirbħek, iżda irbaħ il‑ħażen bit‑tajjeb. Kull bniedem għandu jobdi lill‑awtorità ta’ fuqu.” Il‑Papa Benedittu XVI, f’Berlin, kompla jgħid: “l‑għan fundamentali ta’ kull politiku jibqa’ li jaqdi t‑tajjeb u jiġġieled kontra l‑ħakma tal‑ħażin. F’mument fl‑istorja meta l‑bniedem akkwista setgħa li qabel lanqas biss kien joħlomha, dan il‑għan għandu urġenza partikulari. Il‑bniedem jista’ jeqred id‑dinja. Jista’ jimmanipula lilu nnifsu. Jista’, fi ftit kliem, joħloq bnedmin u jista’ jċaħħadhom mill‑umanità tagħhom. Kif nagħrfu x’inhu t‑tajjeb? Kif nistgħu niddixxernu bejn it‑tajjeb u l‑ħażin, bejn dak li hu veru sewwa u dak li jista’ jidher hekk? Għall‑biċċa l‑kbira ta’ dak li hemm bżonn li jkun regolat bil‑liġi, is‑sapport tal‑maġġoranza huwa kriterju biżżejjed. Iżda huwa wkoll evidenti li, għal‑liġi, fejn fil‑miżien hemm id‑dinjità tal‑bniedem u tal‑umanità, il‑prinċipju tal‑maġġoranza mhux biżżejjed: kull min qiegħed f’pożizzjoni ta’ responsabbiltà jeħtieġ li, personalment, ifittex il‑kriterji li għandhom jiġu mħarsa fl‑inkwadrar tal‑liġi.”

    San Pawl jgħidilna li min hu fl‑awtorità huwa “qaddej ta’ Alla għall‑ġid tiegħek,” għall‑ġid tagħna, għall‑ġid komuni. L‑Appostlu jeżorta lill‑ħutu l‑Insara biex jagħtu lill‑awtoritajiet dak li jistħoqqilhom: “taxxi lil min imissu t‑taxxi, dazju lil min imissu d‑dazju, rispett lil min imissu r‑rispett, ġieħ lil min imissu l‑ġieħ”. Imma għal San Pawl ir‑regola fundamentali hija l‑imħabba: “Tkunu obbligati lejn ħadd ħlief li tħobbu lil xulxin. Kull min iħobb ikun iħares il‑bqija tal‑Liġi.”

    Il‑Papa Franġisku, fl‑Eżortazzjoni Appostolika Evangelii Gaudium nru 205 jagħmel kuraġġ lill‑politiċi billi jgħidilhom: “Nitlob lil Alla li jiżdied l‑għadd ta’ politiċi li għandhom il‑ħila jidħlu fi djalogu awtentiku li jfittex b’mod effikaċi li jfejjaq l‑għeruq profondi u mhux biss id‑dehra tal‑ħażen tad‑dinja tagħna!  Il‑politika, għalkemm spiss ikkritikata, hi vokazzjoni l‑aktar għolja, hi waħda mix‑xejriet l‑aktar prezzjużi ta’ mħabba, għax tfittex il‑ġid komuni. Hemm bżonn nikkonvinċu lilna nfusna li l‑imħabba “hi l‑bidu mhux biss tar‑relazzjonijiet iż‑żgħar: ir‑rapporti bejn il­‑ħbieb, dawk familjari, dawk fi grupp ċkejken, imma wkoll tar‑relazzjonijiet il‑kbar: ir‑rapporti soċjali, ekonomiċi, politiċi.” Nitlob lill‑Mulej li jagħtina iżjed politiċi li tabilħaqq għandhom għal qalbhom is‑soċjetà, il‑poplu, il‑ħajja tal‑foqra!  Hu indispensabbli li dawk li jiggvernaw u li għandhom is‑saħħa finanzjarja jgħollu ħarsithom u jwessgħu l‑perspettiva tagħhom, li jaraw kif jagħmlu biex ikun hemm xogħol dinjituż, edukazzjoni u servizz tas‑saħħa għaċ‑ċittadini kollha.  U għaliex ma jdurux għand Alla biex idawwalhom fil‑pjanijiet tagħhom?  Jiena konvint li jekk nitilqu minn dan il‑ftuħ għat‑traxxendenza, nistgħu naslu għal mentalità politika u ekonomika ġdida li tgħinna nissuperaw id‑dikotomija assoluta bejn l‑ekonomija u l‑ġid soċjali komuni.”

    Il‑Kelma ta’ Ġesù tfakkarna li hemm diversi livelli ta’ kontabbiltà: kontabbiltà lejn il‑kuxjenza ta’ dak li jkun, kontabbiltà lejn is‑soċjetà, u, f’sens eskatoloġiku kontabbiltà lejn Alla

    Is‑silta li qrajna mill‑Evanġelju ta’ San Luqa, Kapitlu 16, iġġibilna quddiem għajnejna s‑suġġett fundamentali tal‑kontabbiltà. “Agħtini kont tal‑amministrazzjoni tiegħek.” Is‑sid ifaħħar lill‑amministratur diżonest tal‑parabbola għall‑makakkerija tiegħu. Nimmaġina t‑tnehida ta’ Ġesù huwa u jgħid: “ulied din id‑dinja jimxu bil‑għaqal aktar minn ulied id‑dawl ma’ min hu tal‑qatgħa tagħhom.” Nixtieq nikkwota kumment tal‑istudjuż bibliku magħruf Georg Bertram: “fil‑parabbola tal‑amministratur inġust, l‑għerf ifisser makakkerija. Sitwazzjoni ta’ diffikultà kbira li titlob mill‑qaddej soluzzjoni immedjata, titlob minnu wkoll deċiżjonijiet determinati u prattiċi. Azzjoni għarfa u determinata hija imposta fuq it‑traġedja tas‑sitwazzjoni u l‑urġenza li tiġi b’riżultat tagħha. Bil‑mod kif iġib ruħu l‑bniedem tad‑dinja jista’ jkun ta’ mudell għal ulied id‑dawl. Phronimos (φρόνιμος) (għaref jew makakk) f’dawn il‑parabboli tapplika għal dawk li għarfu s‑sitwazzjoni eskatoloġika tal‑bniedem.”

    Din il‑Kelma ta’ Ġesù, mela, tfakkarna li hemm diversi livelli ta’ kontabbiltà: kontabbiltà lejn il‑kuxjenza ta’ dak li jkun, kontabbiltà lejn is‑soċjetà, u, f’sens eskatoloġiku kontabbiltà lejn Alla, li waħdu jiżen u jiġġudika l‑qlub tal‑irġiel u n‑nisa fil‑verità u l‑ġustizzja.

    Kif stqarr tassew tajjeb il‑Papa Benedittu, “f’dan iż‑żmien, il‑wirt kulturali Ewropew għandu jkun minn ta’ quddiem li jgħinna. Il‑konvinzjoni li hemm Alla Ħallieq hija l‑mixtla li fiha tikber l‑idea tad‑drittijiet tal‑bniedem, l‑idea tal‑ugwaljanza tal‑bnedmin kollha quddiem il‑liġi, l‑għarfien tal‑invijolabbiltà tad‑dinjità f’kull persuna u l‑konoxxenza tar‑responsabbiltà ta’ kull bniedem għall‑azzjonijiet tiegħu. Il‑memorja kulturali tagħna hija ffurmata b’dawn in‑nozzjonijiet razzjonali. Meta wieħed jinjora jew iwarrab dan kollu bħala xi ħaġa tal‑imgħoddi, ikun qiegħed jiżmembra l‑kultura tagħna u jisraqha mill‑milja tagħha. Il‑kultura Ewropea nibtet u kibret mill‑għaqda bejn Ġerusalemm, Ateni u Ruma – mit‑tlaqqigħ tal‑monoteiżmu Ġudajku, ir‑raġuni filosofika tal‑Griegi u l‑liġi tar‑Rumani. Din il‑laqgħa bejn it‑tliet ċentri ffurmat l‑identità interna tal‑Ewropa. Fl‑għarfien tar‑responsabbiltà tal‑bniedem quddiem Alla u fl‑għarfien tad‑dinjità invijolabbli ta’ kull bniedem ġew stabbiliti l‑kriterji tal‑liġi; huma dawn il‑kriterji li aħna qed inkunu msejħa biex niddefendu f’dan iż‑żmien tal‑istorja tagħna.”

    Il‑Mulej jgħallimna biex ma mmaqdrux il‑fedeltà fl‑affarijiet iż‑żgħar tal‑ħajja. Din il‑fedeltà tinkludi l‑fedeltà fl‑affarijiet iż‑żgħar ta’ kuljum, il‑ħafna laqgħat u l‑ħafna deċiżjonijiet li ma jidhrux fl‑ewwel paġni tal‑aħbarijiet tal‑għada, li, iżda jibnu s‑sinsla tal‑governanza u tal‑qadi lill‑komunità. “Min hu fidil fil‑ftit hu fidil fil‑ħafna.”

    Dan kollu jista’ jqanqal it‑tbissima ċinika u t‑tmaqdir ta’ dawk li jaħsbu li huma iktar għorfa minn ulied id‑dawl. Iżda l‑Mulej jinsisti: “Alla jagħraf qlubkom.” Nagħlaq bl‑ewwel vers mill‑Ewwel Qari: “Ibni, tinsiex it‑tagħlim tiegħi, iżda żomm f’qalbek il‑kmandamenti tiegħi.”

    Charles Jude Scicluna

        Arċisqof ta’ Malta

  • Ritratti: Uffiċċju Komunikazzjoni, Kurja