• ****

    Direttur:          Marc Webb

    Atturi:              Chris Evans, MaKenna Grace, Lindsay Duncan, Jenny Slate, Octavia Spencer  u Glenn Plummer

    Ħin tal-Film:    101 min.

    Maħruġ minn KRS Releasing Ltd

    KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA:                 12A

    KLASSIFIKA TAL-KNISJA:                      12

    F’belt żgħira ħdejn Tampa, fi Florida, Mary Adler, tifla ta’ seba’ snin, turi ħila kbira u talent fenominali fejn tidħol il-matematika. Mal-ewwel jum fl-iskola l-ġdida fejn bdiet tattendi, l-għalliema tagħha, Bonnie Stevenson, timpressjona ruħha tant li tkellmet mal-kap tal-iskola. F’qasir żmien, l-amministrazzjoni offriet lil Mary, borża ta’ studju fi skola privata għat-tfal mgħonija b’talenti speċjali.  Iżda, Frank, zijuha u li kien qiegħed irrabbiha u jieħu  ħsiebha, ma riedx jaf għaliex minn esperjenza fil-familja tiegħu stess, kien jibża’ li skejjel bħal dawn ma jgħinux biex it-tfal jitilgħu ħajja normali. Hu xtaq ħafna li n-neputija tiegħu, Mary, tgħix ħajja normali bħat-tfal oħra.

    Omm Mary, Diane, meta kienet ħajja, kienet ġenju fil-matematika u ġiet mġiegħla minn ommha Evelyn biex tiddedika ruħha ssolvi problema matematika magħrufa bħala Navier-Stokes. Kienet tkun ta’ prestiġju kbir fid-dinja matematika għal dik il-persuna li tkun solviet din il-problema waħda mill-Millenium Prize Problems. Sfortunatament, omm Mary, għamlet suwċidju u kien għalhekk li Frank spiċċa jrabbi u jieħu ħsiebha minn meta kien għad kellha ftit xhur. B’xorti ħażina, fl-istorja tidħol Evelyn, omm Frank u n-nanna ta’ Mary. Għal dawn l-aħħar snin, Evelyn kienet qatgħet kull kuntatt minn Frank u n-neputija. Issa li Mary għandha seba’ snin u Evelyn issir taf bit-talent tan-neputija, għamlet minn kollox biex tieħu l-kustodja tagħha. Bis-sewwa jew bid-dnewwa, riedet li tibda tieħu ħsiebha hi. Kienet lesta li toffri għalliem speċjalizzat fil-matematika biex jħarriġha hu. Frank iżda kien determinat li dan ma tagħmlux għaliex kien jaf li oħtuDiane, kienet tkun trid li t-tifla tagħha titrabba f’ambjent normali, fi skola pubblika għat-tfal normali. Il-każ spiċċa  l-qorti u minħabba li kien jidher li kien hemm iċ-ċans li l-każ imur kontra tiegħu, kontra qalbu Frank jaċċetta kompromess  li Mary titpoġġa fil-kura ta’ famijla li kienet lesta li toffri kenn lil Mary. Din il-familja kienet biss ħamsa u għoxrin  minuta ‘l bogħod mid-dar ta’ Frank u fejn Mary kienet trabbiet b’għożża minn zijuha. X’jiġri minn hawn?

    Film Amerikan bi storja tajba u bi ħsieb li jeżamina l-bilanċ li hemm bżonn li jkun hemm fl-edukazzjoni tat-tfal anke dawk li juru talenti straordinarji. Illum qiegħed jiġi enfasizzat  li l-edukazzjoni għandhu tkun olistika. Film ta’ min jirrikkmandah lil kulħadd fuq it-tnax -il sena.