• ****

    Diretturi:         Pierre Coffin u Kykle Balda

    Ilħna:               Steve Carrel, Kristen Wiig, Trey Parker, Miranda Cosgrave, Dana Gaier, Nev Scharrel, Steve Coogan, Julie Andrews u Jenny Slate

    Ħin tal-Film:    90 min

    Maħruġ minn KRS Releasing Ltd

    KLASSIFIKATAĊ-ĊENSURA:                  U

    KLASSIFIKA TAL-KNISJA:                      U

    Gru jaħdem bħala aġent fl-Anti-Villian League (AVL). F’waħda mill-missjoni tiegħu, jirnexxielu jisfratta serqa li Balthazar Bratt, kriminal mill-agħar, ipprova jwettaq tal-ikbar djamant imprezzabbli li qatt rat id-dinja. Iżda sfortunatament, Gru ma rrnexxilux jarrestah. Bratt darba kien attur promettenti ħafna f’sensiela fuq it-televixin. Kien jagħmel il-parti ta’ villan. Minħabba li Bratt kien għadu fil-pubertà, is-sensiela kellha titwaqqaf. Riżultat ta’ dan, Bratt adotta l-karattru li kien għamlu tant popolari fuq it-televixin billi fil-fatt sar villan mill-kbar. Minħabba li Gru ma rrnexxilux jaqbad lil Bratt, kemm Gru kif ukoll martu Lucy ġew issensjati mid-direttur ġdid tal-AVL, Valerie Da Vinci. Gru u Lucy taw din l-aħbar lit-tfal li Gru kien adotta: Margo, Edith u Agnes. Il-Minions ta’ Gru wkoll abbandunawh għaliex Gru  ma xtaqx li jerġa’ jaqbad il-ħajja kriminali issa li kien jinsab bla xogħol. Lucy, min-naħa tagħha, adattat ruħha biex tieħu ħsieb it-tfal bħala ommhom.

    L-għada filgħodu, Il-familja  ta’ Gru jkollha żjara xejn mistennija. Il-kamrier ta’ ħuh Dru, tewmi miegħu, jistiednu biex jagħmillu żjara. Din l-aħbar ixxokkjat lil Gru għaliex ommu qatt ma kienet qaltlu li hu kellu ħuh tewmi. Gru u l-familja jiddeċiedu li jaċċettaw l-istedina. Meta jaslu għand Dru, jissorprendew irwieħhom bil-ġid kbir li Dru kien jippossiedi. Dru kien sar sinjur kbir bin-negozju ta’ trobbija tal-ħnieżer. Sadanittant, il-Minions isibu ruħhom arrestati għaliex daħlu bla permess waqt  wirja ta’ talent u Bratt jirnexxielu jisraq id-djamant bil-ħsieb li jużah fuq ir-robot ġgantesk li kien sawwar biex jeqred Hollywood għal dak li kienu għamlulu. Waqt li Lucy u t-tfal jmorru għal żjara madwar il-belt, Dru u Gru jsibu ftit tal-ħin għalihom biex isiru jafu lil xulxin. X’kien il-għan li Dru stieden lil Gru?  X’jiġri minn hawn?  X’parti jieħdu l-Minions f’din l-avventura?

    Film Amerikan, animat-ikkomputerizzat, hu t-tielet wieħed minn sensiela Despicable Me. Il-film hu taħt id-direzzjoni ta’ Pierre Coffin u Kyle Balda, kitba ta’ Cinco Paul u Ken Daurio. Film maħdum tajjeb ħafna, bi storja pożittiva mimli azzjoni u żgur għandu jogħġob lil kull età.