• Bejn nofsinhar tal-14 ta’ Lulju 2017 u nofsillejl tas-16 ta’ Lulju 2017 se terġa’ ssir il-Maratona Oħloq Tbissima. Din se tkun il-ħmistax-il edizzjoni ta’ din il-maratona ta’ xandir live mtella’ minn CAM Productions international, li hija l-Production House fi ħdan is-Soċjeta’ Missjunarja ta’ San Pawl (MSSP).

    Il-ħidma missjunarja fdata f’idejn is-Soċjetà Missjunarja ta’ San Pawl (MSSP) ma tieqafx biss ma’ xtutna imma hi mifruxa wkoll fil-Perù, fil-Pakistan u anke l-Filippini. Għalhekk l-għan ta’ din il-maratona hu li jinġabru fondi b’risq dawn il-missjonijiet filwaqt ukoll, li titqajjem kuxjenza missjunarja. 

    Il-Patrijiet MSSP, kontinwament jippjanaw u jaraw x’jistgħu jagħmlu biex itejbu s-sitwazzjoni ta’ dawk li jkollhom fi ħsiebhom.  Ovvjament, dan mhux dejjem ikun possibbli minħabba li jkunu jridu jiġbru fondi biex iwettquhom. 

    Lokalment, l-MSSP imexxu Dar San Ġużepp f’Santa Venera, li tilqa’ fiha subien li ma jistgħux jgħixu fil-familja naturali tagħhom.   Hemm ix-xewqa li jsir xi tibdil f’xi kmamar ħalli jinbidlu f’appartament żgħir sabiex il-ġuvintur li jagħlqu 16-il sena jkunu jistgħu jkunu ftit aktar indipendenti, filwaqt li xorta waħda jkollhom min jieħu ħsiebhom u jiggwidahom.

    Barra minn xtutna, diversi saċerdoti tal-MSSP iwettqu l-ħidma missjunarja tagħhom fil-Perù kemm billi jieħdu ħsieb dar residenzjali li tilqa’ fiha numru ta’ tfal, jżuru l-anzjani u l-morda, joffru edukazzjoni lit-tfal, jieħdu ħsieb kċejjen pubbliċi u anke joffru servizzi mediċi f’ċentri tas-saħħa.  Ovjament, ma jonqosx ix-xogħol pastorali u spiritwali li huma kontiwament joffru. Il-faqar huwa kbir u jonqsuhom anke l-aktar affarijiet bażiċi.  Kull għajnuna tagħmlilhom differenza kbira.

    Fil-Filippini wkoll, minbarra l-ħidma spiritwali u pastorali, il-patrijiet joffru programmi ta’ edukazzjoni lit-tfal u ż-żgħażagħ u jmexxu anke feeding programme fejn jitqassam ikel sustanzjuż f’diversi żoni.  Permezz tal-orkestra li ħoloq Fr Joe Cremona, tfal u żgħażagħ jinġabru flimkien jitgħallmu l-mużika minflok jiġġerrew mat-toroq.  Il-patrijiet tal-MSSP qed jagħtu importanza kbira lill-edukazzjoni ta’ dawn it-tfal u żgħażagħ bit-tama ta’ futur aħjar għalihom u l-familji tagħhom.

    Fil-Pakistan, il-ħidma missjunarja ssir l-aktar fil-qasam edukattiv fejn qed jistinkaw biex jippromwovu  u jagħtu edukazzjoni tajba lin-nisa għaliex hemmhekk huma l-irġie l-aktar l li jmorru skola.   Fr Bernard Mangion, flimkien ma’ Fr Gerald, jieħdu ħsieb skola kbira fejn l-Insara u l-Musulmani jitgħallmu flimkien.  Bħalissa qed jippruvaw jiġbru fondi biex jixtru kompjuters u apparat ieħor biex it-tagħlim tagħhom ikun aġġornat u l-quddiem isibu xogħol xieraq.

    Għal darb’oħra, din is-sena Oħloq Tbissima ser tittella’ mill-bitħa ta’ Dar San Ġużepp f’Santa Venera, minn fejn bħal fi snin li għaddew se  jixxandar programm varjat, b’mumenti ta’ talb, quddies, filmati, diskussjonijiet u spettaklu bil-partiċipazzjoni tal-aqwa talent lokali.

    Il-pubbliku huwa mħeġġeġ biex jipparteċipa f’din il-maratona, billi jagħti d-donazzjoni tiegħu, kif ukoll billi jżur l-attività u jsegwi minn fuq l-istazzjonijiet lokali.

    Il-linji tat-telefon huma diġà miftuħa. Kull min jixtieq jagħti d-donazzjoni tiegħu jista’ jagħmel dan billi jċempel fuq:

    €10              51602004

    €15              51702007

    €25             51802009

    SMS €4.66 50618099