L-Arċisqof lis-saċerdoti l-ġodda: "Nixtieq nafdakom f’idejn il-Madonna biex tieħu ħsiebkom"

Quddiesa mas-sitt saċerdoti novelli

  •  

    L-Omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna

  • Santwarju tal-Madonna tal-Mellieħa

    4 ta’ Lulju 2017

    “Dan xi bniedem hu?”  Dakinhar tal-ordinazzjoni, aħna u niftakru l-mistoqsijiet li Pawlu għamel lil Ġesù fit-triq ta’ Damasku, fakkartkom f’dawn iż-żewġ mistoqsijiet: Int min int, Mulej? Mulej, xi tridni nagħmel? Hemm paralleliżmu bejn l-ewwel mistoqsija ta’ Pawlu (Int min int Mulej?) u l-mistoqsija li għamlu d-dixxiplli fuq id-dgħajsa (Dan xi bniedem hu?)  Man hu? B’xi mod ukoll din id-domanda dwar l-identità ta’ Ġesù hija wkoll id-domanda li jagħmlu l-Lhud meta jiltaqgħu ma’ dak l-ikel misterjuż u jgħidu man hu, dan x’inhu? Dan xi bniedem hu?  U għaliex din il-mistoqsija dwar l-identità ta’ Ġesù? Għaliex l-irjieħ u l-baħar jisimgħu minnu. L-irjieħ u l-ibħra huma wkoll sinjal ta’ qawwa kbira, sinjal ta’ qawwa misterjuża u sinjal ukoll tal-kaos. Il-baħar kien element negattiv, imma dan il-bniedem għandu setgħa fuq dawn l-elementi kollha li jafu jkunu ta’ theddida. Ma nafx jekk mortux fuq il-baħar tal-Galilija imma il-baħar tal-Galilija, fil-wiċċ jidher ilma ħelu, imma għandu żaqqu iebsa, l-aktar meta jaqbad ir-riħ u anke l-baħar, il-baħar hu enormi.

    U din l-esperjenza ta’ din “it-taqliba kbira fuq il-baħar u l-mewġ li beda jgħatti d-dgħajsa u Ġesù kien rieqed”. Ġesù kien rieqed għaliex kellu kontroll, id-dixxipli ma fehmuhiex din il-ħaġa u t-talba tagħhom, huma u jqajmuh, hija “salvana, Mulej! Se nintilfu”. Iċ-ċanfira ta’ Ġesù trid tkun kelma li aħna ma ninsewha qatt: “Dan il-biża’ kollu għalfejn, ja nies ta’ fidi ċkejkna?” (ara Mt 8, 24-26). 

    Fis-saċerdożju tagħkom se tiltaqgħu ma’ sitwazzjonijiet, apparentament impossibbli, sitwazzjonjiet diffiċli, ma’ mumenti ta’ inkomprensjoni u tbatija, ma’ sitwazzjonijiet ukoll li jiskandalizzaw. Huwa l-mument fejn quddiem Ġesù fl-Ewkaristija, fis-silenzju tal-qalb tagħkom, tisimgħu lill-Mulej jgħidilkom: “Dan il-biża’ kollu għalfejn, ja nies ta’ fidi ċkejkna?”  

    Il-Mulej qed jistedinna biex ikollna fidi qawwija; ma jridx li aħna nduru lura u jiġrilna bħall-mara ta’ Lot, jiena għandi bżonnkom ħajjin mhux kolonni tal-melħ, jiġifieri paralizzati. Nafu li aħna niġu paralizzati mill-biża’ imma l-Mulej irid jurina l-qawwa tiegħu, għaliex bħalma jgħid Lot: “ara sa issa sab ħniena f’għajnejk il-qaddej tiegħek, u kbira l-ħniena li wrejt miegħi biex salvajtli ħajti, imma jien ma nistax naħrab lejn l-għoljiet bla ma tilħqani l-ħsara u mmut” (Ġen 19).  U l-Mulej jieħu ħsiebu, il-Mulej isalvah. Alla ftakar f’Abram u ħareġ lil Lot minn  nofs il-ħemda meta qered l-ibliet li fihom kien jgħammar.            

    Ftakkruh lill-Mulej fil-ħniena li juri magħkom kontinwament, hu ma jitlaqkomx, dejjem ikun sapport għalikom. “Ġarrabni, Mulej u għarbilni, iflili moħħi u qalbi. Tjubitek quddiem għajnejja, imxejt kont is-sewwa tiegħek” (S 25, 3).

    Is-sinifikat ta’ din il-laqgħa bejnietna llum huwa biex aħna, jiena magħkom, tibdew is-saċerdozju        f’riġlejn il-Madonna. Is-sena li għaddiet kienet l-ewwel darba li ordnajt grupp ta’ saċerdoti, għax sentejn ilu kienet programmata imma miet il-papà u kellu jidħol Mons. Cremona.  U l-Mulej tani l-idea li qed nagħmilha t-tieni darba għax intom it-tieni grupp ta’ saċerdoti, li la l-Mulej jagħtini s-saħħa nordna saċerdoti hawn Malta, din il-ħaġa nagħmluha kull sena: niġu hawn, f’dan il-maqdes l-iżjed antik, quddiem din ommna l-iżjed antika li hawn fil-gżejjer tagħna, ripristinata kif rawha dawk li għamluha fil-bidu, u wara tant sekli nistgħu naraw dak li baqa’ minnha, l-immaġini oriġinali tal-Madonna tal-Mellieħa. Huwa maqdes apprezzat mill-isqfijiet ta’ Malta. Fil-fatt, fil-Palazz tal-Arċisqof fil-Belt Valletta,  Mons. Gonzi għamel kopja ta’ dan il-Ġesù  Redentur  biex ikollu tifkira proprju ta’ element minn dan is-santwarju, kontinwament fil-Palazz, il-Belt, fis-Sala tat-Tron. Fuq it-tron tal-isqof, Mons. Gonzi għamel lil Ġesù Sultan għax Ġesù huwa s-sultan u mhux l-isqof, l-isqof huwa l-qaddej.

    U aħna qegħdin hawnhekk u nixtieq nafdakom f’idejn il-Madonna biex tieħu ħsiebkom. Intom għandkom l-ommijiet ta’ din l-art li jitolbu għalikom u jieħdu ħsiebkom, għandkom lill-Madonna wkoll bħala ommkom, Ġesù u b’mod speċjali bħala omm is-saċerdoti. U t-talba li għażilt hija ta’ San Ġwann Pawlu II, li anke ġie f’dan il-post qaddis, u hawn ukoll il-memorja ta’ fejn talab San Ġwann Pawlu II, u fit-tmiem tad-dokument tiegħu fuq il-formazzjoni saċerdotali, Pastores Dabo Vobis, hemm talba sabiħa lill-Madonna li aħna se ngħiduha flimkien wara t-tqarbin, qabel it-talba.

    Element ieħor, għax dan huwa ritwal li jirrepeti ruħu, hija li nagħtikom il-Griżma tal-Morda biex tużawha fil-ministeru tagħkom tal-fejqan. Dan huwa sinjifikat ukoll li minn riġlejn Marija, faraġ tal-morda, intom twasslu wkoll il-fejqan tas-sagramenti lill-morda tagħna. Il-Mulej iberikkom u jqaddiskom u jkun dejjem magħkom.

     Charles J. Scicluna

        Arċisqof ta’ Malta