L-importanza tal-edukazzjoni reliġjuża

  • Il‑Knisja f’Malta tfakkar lill‑ġenituri Kattoliċi li fl‑għażliet li jagħmlu fl‑edukazzjoni ta’ wliedhom, huma għandhom id‑dover li fl-iskola jagħżlu t‑tagħlim tar‑reliġjon. Dan ġie spjegat f’ċirkulari maħruġa mill-Kurja, li ser tinqara fil‑knejjes fi tmiem din il‑ġimgħa.

    L‑Arċisqof Charles J. Scicluna jfakkar lill‑ġenituri fir‑responsabbiltà li għandhom, li minn meta l‑ulied ikunu għadhom żgħar, jgħinuhom biex jikbru fil‑fidi bl‑eżempju u bil‑kelma, u billi jaraw li jirċievu l‑formazzjoni meħtieġa.

    L‑Arċisqof, filwaqt li enfasizza l‑importanza tal‑formazzjoni reliġjuża fil‑ħajja tal‑familja, qal li l‑komunità parrokkjali u l‑iskola ma jeħdux post il‑ġenituri imma huma kumplimentari għalihom.

    Iċ‑ċirkulari tikkwota l‑Papa Franġisku, li fl‑Eżortazzjoni Appostolika Amoris Laetitia (Il‑Ferħ tal‑Imħabba), jgħid b’mod ċar li l‑edukazzjoni sħiħa tal‑ulied hi dmir mill‑iktar serju u fl‑istess waqt dmir ewlieni tal‑ġenituri.

    Fl-isfond ta’ dan kollu, qed tkompli l-ħidma biex it-tagħlim tar-reliġjon jiġi aġġornat, iwieġeb għall-ħtiġijiet tal-lum, u jkun ta’ għajnuna għall-istudenti.