• *****

    Direttur:          Jon Watts

    Atturi:              Tom Holland, Michael Keaton, Jon Favreau, Zendaya, Donald Glover, Tyne Daly, Marisa Tomie u Robert Downey Jr.

    Ħin tal-Film:    133 min

    Maħruġ minn KRS Releasing Ltd

    KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA:                 PG

    KLASSIFIKA TAL-KNISJA:                       12

    Fl-2012, Tony Stark u l-gvern federali ħolqu l-U.S. Department of Damage Control (D.O.D.C.) b’riżultat li kumpanija tas-salvataġġ tilfet in-negozju kollu li kienet tagħmel minn din il-ħidma. Din il-kumpanija kienet il-proprjetà ta’ Adrian Toomes li kkonvinċa lill-kollegi tiegħu biex ma jċedux it-teknoloġija Chitauri u li bil-biċċiet li kienu ġa gabru mill-Battalja ta’ New York jaraw kif jivvintaw xi armi bihom u jużawhom għall-attivitajiet kriminali. Jgħaddi ż-żmien, Peter Parker qiegħed ikompli l-istudju tiegħu wara li Tony Stark  infurmah li għadu mhux lest biex isir membru tal-Avengers. Iżda għalkemm, May, il-zija tiegħu kienet kontra li Peter ma jibqgħax fit-tim tad-decathlon tal-iskola, Peter xtaq ħafna li jiffoka iktar fuq l-attività li tant kien iħobb jagħmel dik ta’ Spider-Man.

    Lejla waħda, Peter, wara li rrnexxielu jisfratta serqa minn ATM minn nies ta’ Toomes, meta jmur lura fl-appartament tiegħu, il-ħabib tiegħu Ned jsir jaf l-identità tiegħu. Lejla oħra. Peter jerġa’ jiltaqa’ man-nies ta’ Toomes, Herman Schultz u Jackson Brice jbiegħu armi Chitauri lill-gangster lokali. Meta Peter ipprova jintervjeni, kellu jkun Stark li għenu biex joħroġ minn dan l-intervent, ħaj. Minħabba li din l-operazzjoni falliet, Toomes joqtol lil Brice minħabba li ipperikola l-operazzjoni kollha li Toomes kien qiegħed iwettaq. Brice kien ħalla arma Chitauri warajh u Peter u Ned ipprovaw jneħħu l-qalba tal-enerġija tagħha b’riżultat li Schultz kien kapaci jsir jaf fejn kien dak li kien ħa l-arma. Meta Schultz jmur l-iskola fejn kienu Peter u Ned, b’xorti tajba, Peter u Ned jirnexxielhom jaharbuh iżda mhux qabel ma jqegħdu tracking device fuq Schultz.  Fejn kien sejjer Schultz u x’kien qiegħed jippjana Toomes? Kollox jibda juri li kienet sejra tkun konfrontazzjoni diretta bejn Peter, is-Super-Man u Toomes li kellu ambizzjoni kbira li jieħu f’idejh armi li D.O.D.C. kienu żviluppaw. Min minnhom kien sejjer jġib fix-xejn lill-opponent tieghu?

    Film Amerikan msejjes fuq il-karattru ta’ Spider-Man, hu taħt id-direzzjoni ta’ Jon Watts. Minħabba vjolenza għalkemm mhux imdemmija,  kif ukoll kliem u ċajt goff u ġesti oxxeni, ikun tajjeb li l-film jarawh dawk li għalqu t-tnax-il sena.