• Il-libsa bajda bil-blu ta’ Mother Teresa, magħrufa bħala sari, issa ġiet irreġistrata bħala ditta u għalhekk saret trejdmark. 

    Din il-libsa tipikament Indjana, li s-sorijiet Missjunarji tal-Karità ilhom jilbsu mill-1950, issa saret taqa’ taħt il-proprjetà intellettwali tal-kongregazzjoni li twaqqfet mill-qaddisa ta’ Kalkutta.

    “Ir-Reġistru tat-Trejdmarks […] jilqa’ ir-reġistrazzjoni tat-trejdmark għad-disinn blu tas-sari,” qal Biswajit Sarkar, l-avukat tal-proprjetà intelletwali.

    Id-disinn tas-sari ta’ Mother Teresa ġie rreġistrat uffiċjalment bħala proprjetà itnelletwali fl-4 ta’ Settembru 2016, il-ġurnata li l-Mother ġiet iddikkjarata qaddisa fil-Vatikan. L-applikazzjoni saret fit-12 ta’ Diċembru 2013 u ġiet ikkonfermata wara serje ta’ proċeduri legali.

    “Il-Missjunarji tal-Karità ma jemmnux fir-reklamar u għalhekk dan il-fatt ma ġiex irreklamat u  magħruf,” qal Sakar. Madanakollu, “peress li qed naraw ħafna abbuż mill-użu ta’ dan id-disinn tal-libsa, qed nippruvaw inxerdu aktar għarfien dwar it-trejdmark.”

    Fuq il-websajt tal-kongregazzjoni hemm l-istorja ta’ kif beda s-sari. Suor Gertrude, it-tieni soru li daħlet mal-Missjunarji, tgħid li Mother Teresa, l-ewwel darba li libset is-sari abjad u bl-blu fl-1948, u b’dik il-libsa bdiet iddur it-toroq ta’ Kalkutta.

    “Mill-1950, il-libsa saret tiddistingwi lis-sorijiet u saret simbolu ta’ paċi u karità mad-dinja kollha.”

    “Il-Mother għażlet il-libas bajda bil-burdura blu, għaliex hekk tfakkarna fil-blu ta’ Ommna Marija. Il-blu jfisser purità. Ukoll, dak iż-żmien, in-nisa li kienu jikinsu t-toroq tal-Indja kienu jilbsu sari simili għal tas-sorijiet. Għalhekk, Mother teresa adattat din il-libsa għal libsa reliġjuża li hi kemm simbolika u anke prattika: Ma għenitx biss biex nintagħrfu mill-foqra imma wkoll biex nissaportu l-klima kiefra tal-Indja,” tgħid Sur Gertrude.

    Is-sorijiet novizzi jilbsu sari abjad mingħajr strixxi blu. Wara erba’ snin formazzjoni u jkunu lesti biex jieħdu l-voti, il-Kongregazzjoni ttihom sari abjad bil-blu. Kull soru għandha biss 3 saris.