Il-Knisja ttenni l-impenn tagħha favur żwieġ bejn raġel u mara

  • Il-Parlament Malti lbieraħ approva l-Att tal-2017 li jemenda l-Att dwar iż-Żwieġ u Liġijiet oħrajn. Din il-liġi tieħu t-tifsira taż-żwieġ u tapplikaha wkoll għal relazzjonijiet bejn persuni tal-istess sess.

    Minkejja dak li tgħid il‑liġi, li tqis l‑istess dak li mhuwiex l‑istess, iż‑żwieġ jibqa’ dejjem ir‑rabta esklussiva bejn raġel u mara, li hu miftuħ għat‑tnissil tal‑ulied. Iż‑żwieġ bejn raġel u mara hu l‑mudell li dejjem ħaddnet l‑umanità u mhux biss il‑viżjoni Nisranija taż‑żwieġ.

    Billi tintroduċi kunċett newtrali taż‑żwieġ ċivili miftuħ għal kull tip ta' koppja, il‑liġi twarrab id‑differenza u r‑reċiproċità naturali bejn raġel u mara. Bit‑tneħħija ta’ din id‑differenza, tqaċċtet il‑bażi antropoloġika tal‑familja. Is‑soċjetà tiftaqar meta, flok taċċetta d‑diversità, timponi uniformità fil‑mod kif ikunu espressi r‑relazzjonijiet.

    Fl‑istess waqt, il‑Knisja tirrispetta bis‑sħiħ id‑dinjità ta’ kull persuna, ikunu xi jkunu l‑għażliet li tagħmel f’ħajjitha u r‑relazzjonijiet li tħaddan. Għall‑Knisja, kull persuna hi għażiża u tibqa’ għażiża għax hija maħluqa xbieha ta’ Alla. Il‑Knisja impenjata wkoll li tibqa’ tilqa’ fi ħdanha, takkumpanja u tgħin lil dawk il‑persuni li jagħżlu li jgħixu l‑ħajja affettiva tagħhom f’kuntest differenti minn dak taż‑żwieġ Nisrani.

    Il‑Knisja tittama li din il‑liġi ma tkunx segwita b’miżuri oħra li jnaqqsu mid‑dinjità tal‑ulied, bħal pereżempju l‑kiri tal‑ġuf (surrogacy) u d‑donazzjoni tal‑gameti (gamete donation). Il‑Knisja tappella lis‑soċjetà biex tibqa’ tagħraf li l‑ulied huma don li għandu jkollhom dejjem l‑ambjent adattat fejn jitnisslu, jitwieldu u jikbru b’mod seren u b’ħafna mħabba, u li l‑vuċi tagħhom tinstema’ b’mod qawwi fis‑soċjetà Maltija.

    Quddiem din ir‑realtà, il‑Knisja, kif għamlet dejjem, bl‑Evanġelju ta’ Sidna Ġesù Kristu f’idejha, se tkompli taħdem biex jissaħħu ż‑żwiġijiet u l‑familji f’pajjiżna, u tibqa’ turi l‑apprezzament lejn tant ommijiet u missirijiet li qed jitħabtu biex jgħixu b’fedeltà l‑missjoni insostitwibbli tagħhom u jiddedikaw ħajjithom għal uliedhom.

     Charles J. Scicluna                                                              Mario Grech

         Arċisqof ta’ Malta                                                                    Isqof ta’ Għawdex