• L-Omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna

  • Knisja ta’ Kristu Re, Raħal Ġdid

    12 ta’ Lulju 2017

    “Ersqu lejn Ġesù li huwa l-ħaġra mormija mill-bnedmin imma magħżula u għażiża għal Alla” (ara 1 Pt 2, 4). Aħna u nfakkru l-50 anniversarju mill-konsagrazzjoni ta’ dan it-tempju maestuż li ra ħafna staġuni, imma issa nistgħu ngħidu qiegħed igawdi staġun feliċi.

    Aħna u niċċelebraw il-50 anniversarju tal-konsagrazzjoni ta’ dan it-tempju mill-Isqof Gonzi fid-9 ta’ Ġunju 1967, tajjeb li niftakru f’dan it-titlu, forsi ftit nirreferu għalih, li l-appostlu San Pietru fl-Ewwel Ittra tiegħu jagħti lil Kristu Re, lil Kristu Sultan, lis-Salvatur, waqt li jħeġġiġna biex nersqu lejh. “Ersqu lejn Ġesù li hu ħaġra ħajja”.

    Aħna, f’din il-parroċċa għażiża lil Ġesù, inqimuh bħala re, sultan; Ħal Lija nqimuh bħala s-Salvatur trasfigurat. Illum, aħna u niċċelebraw il-konsagrazzjoni ta’ dan it-tempju tal-ġebel u ta’ materjal ieħor, niftakru f’dan it-titlu ta’ Ġesù: “il-ħaġra ħajja”. U biex ikompli jelabora din ix-xbieha u dan it-titlu ta’ Ġesù, waqt li qed ifisser iċ-ċaħda ta’ Ġesù minna l-bnedmin, it-tradiment, il-passjoni, it-tislib tiegħu, hu jgħid “ħaġra ħajja mormija mill-bnedmin”. Imbagħad biex ifisser il-misteru tal-qamwien ta’ Ġesù mill-imwiet, li aħna niċċelebraw b’ferħ kbir fl-Għid, jgħid “mormija mill-bnedmin imma magħżula u għażiża għal Alla”.

    Ma jieqafx hemm. San Pietru jgħidilna: “intom ukoll inbnew bħal ħaġar ħaj” (v. 5a); jekk Kristu hu ħaġra ħajja, anke aħna ħaġar ħaj. Dan it-tempju huwa xbieha f’nofs ir-raħal dejjem ġdid. Il-Granmastru De Paule xtaq jisilfu ismu u biex jattira nies hawnhekk ħelishom mid-dejn, hekk nafha jien l-istorja. U b’xi mod hija xbieha wkoll tal-Insara mifdijin minn Kristu għax aħna wkoll biex inġbidna lejn dan it-tempju, il-Mulej ħalsilna d-dejn – espressjoni li kien iħobb jirrepeti San Ġorġ Preca – ħalsilna d-dejn li kellna mal-ġustizzja ta’ Alla.        

    Evitaw dejjem il-kliem iebes għal xulxin u ifirħu flimkien.

    U din wkoll xbieha tar-realtà radikali tal-Knisja li hija poplu msejjaħ biex ikun ħaġar ħaj u li jinbena “f’dar spiritwali, saċerdozju qaddis li jkun jogħġbu lil Alla f’Ġesù Kristu (v. 5). Dar spiritwali: din id-dar għandha tkun id-dar ta’ kulħadd. Nieħu pjaċir naraha tisbieħ, niftakarha fi staġuni differenti. Meta ġejt għall-ewwel darba bħala seminarista fl-1980, ilu ftit, imbagħad ġejt bħala djaknu fl-1985. Hawnhekk, kemm taħt il-kappillan Dun Adolf Agius, nitolbu għalih, qiegħed il-ġenna jitlob għalina, u kemm taħt il-kappillan Dun Anton Gouder li qiegħed magħna llum, tgħallimt ħafna.

    Nixtieq nirringrazzja lil kull min ħa sehem, fix-xhur li għaddew, fil-ħidma ta’ rikonċiljazzjoni soċjali importanti li rat din il-parroċċa.

    Illum huwa ferħ kbir għalija li qiegħed magħkom, għeżież membri ta’ din il-parroċċa, flimkien mal-kappillan tagħkom Fr Marc André,  Fr Keith, Fr Gilbert, u anke Fr Herbert, jiena nixtieq nirringrazzjahom f’isimkom tax-xogħol li għamlu, u tant saċerdoti oħrajn, li ħadmu anke f’din il-parroċċa għażiża. U anke nsellem lill-kappilani tal-viċinanza, l-arċipriet ta’ Ħal Tarxien u l-kappillan tal-parroċċa ta’ Sidtna Marija ta’ Lourdes. 

    Din il-parroċċa kbira, għażiża, għandha vokazzjoni speċjali: li tibqa’ xbieha ta’ din il-ħaġra ħajja. Għalkemm dan il-poplu hu ħaġar ħaj, xorta hemm bżonn inħallu lill-Mulej jibnina f’tempju billi jgħaqqadna flimkien. Jien nixtieq nirringrazzja lil kull min ħa sehem, fix-xhur li għaddew, fil-ħidma ta’ rikonċiljazzjoni soċjali importanti li rat din il-parroċċa. Nixtieq nirringrazzja lil kull min wera rieda tajba u kkopera biex ikun hawn l-għaqda, ikun hawn il-paċi soċjali u jkun hawn ukoll il-ftehim.     

    Evitaw dejjem il-kliem iebes għal xulxin, ifirħu flimkien, meta jkun hemm bżonn, idħku wkoll flimkien għax dik hi l-glorja “tal-ħaġar ħaj li jinbena f’dar spiritwali u f’saċerdozju qaddis”. Ejjew nifirħu bil-ferħ ta’ xulxin, ejjew inkunu solidali meta hemm bżonn wieħed jesprimi s-solidarjetà u jagħti daqqa t’id għall-ġid. U jiena naf li intom dan tifhmuh u tagħmluh ukoll bil-qalb.     

    “Jiena nqiegħed fihom ġebla tax-xewka, magħżula u prezzjuża”. Hu qed jgħid għal Ġesù: “min jemmen fiha ma jkollux għax jistħi” (v. 6). Din hi l-għażla li rridu nagħmlu llum f’għeluq il-50 anniversarju mill-konsagrazzjoni ta’ dan it-tempju, li aħna nemmnu f’Ġesù, din il-ħaġra ħajja għax min jemmen fiha ma jkollux għax jistħi. “Għalikom mela li temmnu, dan huwa ġieħ! waqt li għal dawk li ma jemmnux din l-istess ġebla li warrbu l-bennejja, saret il-ġebla tax-xewka” (v. 7), ġebla li twaħħad, ħaġra li tfixkel, imma aħna rridu nkunu ma’ dawk li nemmnu f’din il-ġebla ħajja, din il-ħaġra mormija mill-bnedmin, imma magħżula u għażiża għal Alla.   

    Nitolbu għal ħutna maqfula ġewwa biex huma jkollhom din l-esperjenza li jgħaddu mid-dlam għad-dawl, li l-Faċilità tkun faċilità tassew korrettiva u mhux okkażjoni ta’ telfien ikbar.

    “Huma jitfixklu,” jgħid San Pietru, “għax ma joqgħodux għall-kelma t’Alla” (ara v. 8). Imma intom, u qed ngħid għal kull membru ta’ din il-parroċċa, “intom ġens maħtur, saċerdozju regali, nazzjoni qaddis, poplu miksub minn Alla biex ixxandru l-għemejjel sbieħ ta’ dak li sejħilkom mid-dlam għad-dawl tiegħu tal-għaġeb” (v. 9).

    Illum l-istatwa devota ta’ Kristu Re, sultan tal-ħolqien kollu, se tagħmel pellegrinaġġ sinifikattiv; se żżur ukoll il-Faċilità Korrettiva li hawn fostna. Aħna nxandru b’dan il-ġest l-għemejjel ta’ ħniena li għamel magħna dak li sejħilna “mid-dlam għad-dawl tiegħu tal-għaġeb”. Aħna lkoll kultant jegħlibna d-dlam u għalhekk aħna kontinwament midjunin mal-ħniena tal-Mulej. Ilkoll kemm aħna għandna bżonn ta’ spiss, regolarment, ninżlu għarkupptejna quddiem is-saċerdot u nitolbu lil Alla maħfra ta’ dnubietna, imma aħna nafu li aħna kontinwament “imsejħin mid-dlam għad-dawl tiegħu tal-għaġeb”. Nitolbu għal ħutna maqfula ġewwa biex huma jkollhom din l-esperjenza li jgħaddu mid-dlam għad-dawl, li l-Faċilità tkun faċilità tassew korrettiva u mhux okkażjoni ta’ telfien ikbar. Nitolbu għall-membri kollha ta’ din il-parroċċa, għaż-żgħażagħ u t-tfal, għall-miżżewġin, għall-għarajjes, għall-ħaddiema, għall-pensjonanti, għall-morda u għall-anzjani.

    L-aħħar xewqa li nixtieq nesprimi hi li minn din il-parroċċa jkun hawn vokazzjonijiet għas-saċerdozju u għall-ħajja reliġjuża. Poplu kbir, familji ġenerużi, dawn huma iż-żewġ doni kbar li għandu Raħal Ġdid. Ġesù Kristu, re, sultan tal-ħolqien kollu, iberikna billi jsejjaħ minn fostna żgħażagħ biex ikunu xebh tiegħu u jgħinu lil dan il-poplu u l-Knisja tkompli tinbena “f’dar spiritwali, saċerdożju qaddis, li jkun jogħbu lil Alla f’Ġesù Kristu”, lilu l-glorja għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

  •  Charles J. Scicluna

        Arċisqof ta’ Malta

  • Ritratti: Lucia Agius/Mark Micallef Perconte