•  

    L-Omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna

  • Monasteru ta’ Santa Skolastika, il-Birgu

    11 ta’ Lulju 2017

    “Il-Mulej jagħti l-għerf, minn fommu ġej it-tagħrif u d-dehen” (Prov. 2, 6). Dik kienet xi ħaġa li skopra San Benedittu meta beda jistudja l-filosofija f’Ruma u rrealizza li l-għerf tal-bnedmin u tad-dinja ma kienx joqgħod ħdejn difer l-għerf li jagħti l-Mulej.

    Id-deċiżjoni tiegħu li jfittex ambjent ta’ eremita f’Subiaco kienet deċiżjoni biex hu jinfatam mid-dinja u fl-istess ħin jagħraf ir-rieda tal-Mulej għalih. Beda jgħix qrib ħafna dik li, mijiet ta’ snin qabel, kważi erba’ sekli qabel, kienet villa sabiħa tal-Imperatur Neruni, magħruf għall-ewwel persekuzzjoni tal-Insara. U beda juża’ l-ġebel mir-rovini ta’ din il-villa biex jibni l-ewwel monasteru tiegħu. Hija xbieha ta’ dak kollu li għamel fil-ministeru tiegħu bħala missier il-ħajja monastika fl-Oċċident, bħalma kien missier il-ħajja monastika fl-Orjent San Anton Abbati, hekk ukoll San Banedittu huwa l-missier tal-monaċeżimu fl-Oċċident.  

    Illum irridu nitolbu l-interċessjoni ta’ San Benedittu għall-Ewropa, għal Malta biex ma tinsa qatt dak li pprova jgħallimna bil-ħajja u bl-eżempju tiegħu, anke bir-regola tiegħu: dik li aħna ma npoġġux lil Alla fit-tieni post imma nagħtuh l-ewwel post.

    Imma llum aħna nitolbu l-interċessjoni tiegħu bħala Patrun tal-Ewopa għaliex mix-xrara li bdiet minn Subiaco u kompliet anke Monte Cassino, l-Ewropa ħadet ħafna. Imma dak l-ewwel ġest li hu jibni l-monasteru ċkejken tiegħu mir-rovini ta’ villa imperjali, jagħtina xbieha qawwija. Din il-kultura ta’ talb, din il-kultura li tpoġġi lil Alla l-ewwel u qabel kollox, din il-kultura li tpoġġi t-talb u x-xogħol bħala żewġ pedamenti tal-ħajja spiritwali, ora et labora, itlob u aħdem, hija wkoll ċiviltà ġdida li terġa’ tqajjem l-Ewropa mir-rovina ta’ imperu pagan u dekadenti. 

    B’xi mod nifhmu għaliex il-messaġġ ta’ San Benedittu jibqa’ attwali. Hu jgħallimna li t-triq tal-kmandamenti ta’ Alla, għalkemm kontra l-kurrent, għalkemm anke personalment insibuha iebsa, hija l-għerf li ġej minn Alla. “Ibni, jekk int tilqa’ kliemi, u taħżen ġo fik il-kmandamenti tiegħi billi tagħti widen għall-għerf […], imbagħad tifhem il-biża’ tal-Mulej u ssib it-tagħrif ta’ Alla” (vv. 1-2.5).

    Illum irridu nitolbu l-interċessjoni ta’ San Benedittu għall-Ewropa, għal Malta biex ma tinsa qatt dak li pprova jgħallimna bil-ħajja u bl-eżempju tiegħu, anke bir-regola tiegħu: dik li aħna ma npoġġux lil Alla fit-tieni post imma nagħtuh l-ewwel post.

    Ismu “Benedictus” mhuwiex biss imseddaq u kkonfermat bil-ħajja ta’ dan ir-raġel veru mbierek minn Alla, imma wkoll ifakkarna fir-responsabbiltà u r-rwol tagħna li nkunu ta’ tifħir lill-Mulej, li aħna nkunu nies li nbierku lill-Mulej u din tfakkarna fit-talba li għallimna Ġesù: “Missierna, li inti fis-smewwiet jitqaddes ismek, jitqaddes ismek”, ikun imbierek ismek. U allura aħna nonoraw lil San Benedittu imma fuq kollox niftakru li ismu jindikalna lil dak li huwa qaddis u mbierek. Fil-fatt, qabel nibdew l-Ewkaristija, lil Alla nirreferu għalih bħala “Sanctus” u ngħidulu wkoll “benedictus”: qaddis, qaddis, qaddis, sanctus, sanctus, sanctus. Ngħidulu wkoll “benedictus qui venit in nomine Domini”, bil-Malti, imbierek minn ġej f’isem il-Mulej.

    B’xi mod dik l-antifona li tippreċedi l-Ewkaristija propja, isSanctus, ifakkarna li “sanctus”, “benedictus”  huwa wkoll sejħa biex aħna nkunu xhieda ta’ qima lil Alla li huwa l-veru sanctus u l-veru benedictus. Wara kollox il-qdusija ta’ San Benedittu, il-qdusija tas-Sanctus Benedictus li aħna llum nonoraw, hija frott il-ħniena li juża’ Alla miegħu.

    Kemm-il darba l-Mulej salvah mill-ġuħ bħalma hemm fl-istatwa f’din il-knisja, hemm dak l-għasfur pjuttost iżjed kbir mir-realtà, imma bil-ħobża f’ħalqu biex ifakkarna bħalma qrajna anke fis-sekwenza, li meta kien f’mument tal-ġuħ, il-Mulej ipprovdielu. Fl-antifona smajna propju: “tajr tas-sema bħal Elija mar jitimgħu, kif moħbija kien qed jgħaddi ħajtu f’għar”.

    Waħda mill-aspetti oħrajn tal-ikonografija tiegħu hija l-kalċi mdawwar bid-deheb, dak il-kalċi vvalenat li xi patrijiet li ma kinux jaqblu miegħu, tawh biex jixrob sabiex imut, huwa bierku u dan l-imbierek kalċi inqasam. Il-Mulej ħeles lil Benedittu diversi drabi mill-veleni ta’ din il-ħajja u għandna bżonn ukoll nitolbu l-interċessjoni tiegħu biex il-Mulej jipprovdilna u l-Mulej jeħlisna mit-tnassis tal-għadu. 

    Kif tafu, San Benedittu magħruf ukoll għall-barka marbuta miegħu mas-salib imqaddes li jġib l-eżorċiżmu kontra Satana fis-salib, imsejjaħ Crux Sancti Patri Benedicti, is-salib tal-missier tagħna San Benedittu. U f’dik it-talba marbuta ma’ dan is-salib ta’ San Benedittu, lil Satana jgħidlu: “int ixrob il-velenu għaliex aħna maqgħudin ma’ Ġesù, għandna l-protezzjoni u għandna l-qawwa”.

    Nitolbuh għalhekk lil San Benedittu, anke waqt li nitolbu għall-Ewropa, għall-pajjiżna, biex qatt ma ninsew il-wegħdiet tal-Magħmudija. Nitolbu maħfra għal dnubietna u ngħixu bħalu ħajja qaddisa biex aħna wkoll nkunu Sancti et benedicti, qaddisin u mberkin, bħalma kien hu, Sanctus Benedictus.

     Charles J. Scicluna

        Arċisqof ta’ Malta