• F’laqgħa mal-missjunarji Maltin imxerrda madwar id-dinja u li bħalissa jinsabu Malta għal btala, l-Arċisqof Charles J. Scicluna ddeskriviehom bħala martri, għaliex fi kliemu, biex tkun martri m’hemmx bżonn it-tixrid ta’ demm.

    “Hemm tipi differenti ta’ martirji,” saħaq l-Arċisqof, fosthom il-martirju tal-karità, tal-ubbidjenza u taċ-ċaħda.

    Għal-laqgħa li saret f’Dar Emigrant, il-Belt Valletta, attendew missjunarji li jaħdmu f’pajjiżi foqra, oħrajn li jaħdmu fi sptarijiet u oħrajn li jieħdu ħsieb l-Evanġelizzazzjoni f’aktar minn parroċċa waħda, u hemm min jaħdem ukoll fil-komunitajiet ta’ emigranti Maltin.

    Huma kellhom iċ-ċans jirrakkuntaw dwar l-esperjenzi u l-ħidma pastorali tagħhom. Fosthom kien hemm soru Dumnikana Maltija fil-Pakistan li taħdem mat-tfajliet li jridu jagħmlu abort. Is-soru rrakkuntat kif it-tfajliet jiġu għandha bil-ħsieb li jabortixxu iżda bi ftit kliem u anke ħafna mħabba, is-soru tgħinhom jaslu għad-deċiżjoni li jwelldu t-tarbija. Dawn it-tfajlietikollhom l-għażla jħalluha mas-soru. Madanakollu, kompliet tgħid kif wara 9 xhur, ħafna mill-ommijiet ma jkunux iridu jinfirdu minn mat-tarbija.

    Wara r-rakkont ta’ din l-esperjenza, l-Arċisqof Scicluna saħaq li “l-Mulej iwegħdna ħlas għal tazza ilma, aħseb u ara għal tarbija salvata.”

    Din il-laqgħa ġiet organizzata mill-Kummissjoni Emigranti flimkien mal-Uffiċċju Missjunarju.

  • Ritratti: Uffiċċju Komunikazzjoni, Kurja