• ***

    Direttur:          Sofia Coppola

    Atturi:              Colin Farrell, Nicole Kidman, Kirsten Dunst, Elle Fanning,  Angourie Rice, Oona Laurence, Emma Howard u Addison Riecke

    Ħin tal-Film:    94 min.

    Maħruġ minn KRS Releasing Ltd

    KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA:                  15

    KLASSIFIKA TAL-KNISJA:                       18

    Martha Farnsworth tmexxi skola tal-bniet ġewwa Virginia fi żmien meta ġewwa l-Amerika kienet għaddeja Gwerra Ċivili. Sas-sena 1864, kważi l-istudenti kollha, nklużi  l-għalliema u l-iskjavi kienu telqu. Ftit kienu dawk li kienu baqgħu fl-iskola, fosthom għalliema waħda, Edwina Morrow u ħames studenti. Ġara li jum wieħed, Amy, waħda mill-istudenti, waqt li kienet qegħda tfittex il-faqqiegħ f’masġar fil-qrib, issib lil John McBurney, suldat ferut fl-Armata tal-Unjoni. Kien ntlaqat serjament f’riġlu waqt battalja. Hu, min-naħa tiegħu, miġrugħ kif kien, abbanduna r-reġiment tiegħu.

    Amy, b’mod jew ieħor irnexxielha twassal il-korporal McBurney lejn l-iskola. Meta tasal qrib, sejjħet għall-għajnuna. Sadanittant il-korporal kien ħassu ħażin.  Ma kienx hemm xi jsir ħlief li Miss Farnsworth, bl-għajnuna ta’ kulħadd, idaħħluh ġewwa l-iskola u jaqfluh f’waħda mill-kmamar.  Miss Farnsworth min-naħa tagħha, ħadet ħsieb li tikkura l-ferita li kellu f’riġlu.  Fi ftit jiem, kemm Miss Farnsworth kif ukoll Miss Morrow, l-għalliema, jissaħħru għal warajh. Il-bniet ukoll ma baqgħux lura għalkemm xi whud minnhom kienu tal-fehma li jgħadduh bħala pruġunier tal-gwerra f’idejn l-Armata Konfederali. Iżda Miss Farnsworth ma kinitx favur din l-idea għax xtaqet li McBurney ikun fieq mill-ferita. 

    Meta suldati mill-Armata Konfederali waslu l-iskola jistaqsu, Miss Farnsworth qaltilhom li ma kien hemm hadd ħlief huma fl-iskola. Waqt li McBurney kien qiegħed jirkupra, l-attenzjoni u l-affezzjoni lejh ma naqsux la min-nisa u anqas mit-tfajliet. Hu min-naħa tiegħu ma bagħax lura l-aktar lejn iż-żewġ. Meta kien tajjeb biżżejjed anke offra li jibda jagħmel xi xogħol fil-ġnien. Deher biċ-ċar, li Mc Burney ma kienx ħerqan li jmur jiġġieled darb’oħra. Lejla waħda,  jgħid lil Miss Morrow biex tistennieh f’kamritha u qalila li jħobbha. X’jiġri minn hawn?

    Film drammatiku Amerikan taħt id-direzzjoni u kitba ta’ Sofia Coppola, hu msejjes fuq in-novella: A Painted Devil, miktuba minn Thomas P. Cullinan. Minħabba xeni ta’ sess u affezzjoni, kif ukoll il-pjan djaboliku mħejji mill-membri kollha li kienu fl-iskola biex jehilsu minn problema maħluqa minn suldat ferut li sab ruħu fosthom, ikun tajjeb li l-film jarawh il-kbar biss.