• ***

    Direttur:          David Soren

    Atturi:              Kevin Hart, Ed Helms, Thomas Middleditch, Nick Kroll, Jordan Peele u Kristen Schaal

    Ħin tal-Film:    89 min

    Maħruġ minn KRS Releasing Ltd

    KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA:                 U

    KLASSIFIKA TAL-KNISJA:                      12

    Ġewwa l-belt ta’ Piqua f’Ohio, jgħixu George Beard u Harold Hutchins, żewġ subien, ġirien ta’ xulxin. Dawn jinsabu jattendu l-istess skola u klassi. It-tnejn kellhom sens ta’ umoriżmu li kienu jġibu ċertu ammont ta’ daħq fost sħabhom. It-tnejn kienu spiss joħolqu ċajt goff fuq l-għalliema tagħhom speċjalment fuq il-kap tal-iskola, Benjamin Krupp, li kien spiss jiġbed l-attenzjoni tagħhom u anke jatihom xi kastiġ. It-tnejn kienu kapaċi jiktbu u jpinġu kotba komiks fuq eroj li tawh l-isem ta’ Captain Underpants, li kien dejjem lest biex jeħoda kontra l-kriminali, liebes biss qalziet ta’ taħt u b’mantell aħmar marbut m’għonqu.

    Jum wieħed, George u Harold għamlu waħda minn tagħhom, meta bagħbsu ma’ invenzjoni maħluqa minn Melvin Speedy, tifel ġenju li kien jattendi l-istess skola. Krupp ma kellux iktar x’jagħmel ħlief li bħala kastig jifridhom minn xulxin fil-klassi. Biex jevita dan, George ippnotiżża lil Krupp permezz ta’ 3D Hypno Ring. Minħabba li Krupp kien jixbaħ ħafna l-karattru ta’ Captain Underpants fil-komik li kienu kitbu u pinġew, ordna lil Krupp, li kien ipnotiżżat, biex isir Captain Underpants. Dan sar iżda malajr jsiru jafu li Captain Underpants (Krupp) kien qiegħed joħloq inkwiet kbir ġewwa Piqua. George u Harold jiddeċiedu  li jagħmlu xi ħaġa billi jipperswadu lil Captain Underpants biex jieħu l-identità ta’ Krupp.  Waqt dan kollu, ġewwa l-iskola jagħmel żjara l-Professur Pee-Pee Diarrhaestein Poopyants, xjentist stramb Ġermaniż  li kien determinat li jeqred id-daħq kollu. Captain Underpants li issa ħa l-identità ta’ Krupp, jingaġġa l-Professur bħala għalliem. Din xejn ma għoġbot lil George u lil Harry. X’sejrin jagħmlu issa u x’sejjer isir minnhom?

    Film Amerikan animat komputerizzat, imsejjes fuq serje ta’ stejjer għat-tfal fuq l-eroj, Captain Underpants. Il-film hu taħt id-direzzjoni ta’ David Soren, kitba ta’ Nicholas Stoller. Minħabba li fil-film hemm ċajt goff u vulgari li ma jagħmlux adattabbli għat-tfal, ikun tajjeb li l-film jarawh dawk li għalqu t-tnax-il sena.