L-Arċisqof Scicluna mistieden fil-Ġermanja biex jippresiedi l-festa ta' San Liborju

  • L-Arċisqof Charles J. Scicluna kien mistieden biex jippresiedi ċ-ċelebrazzjonijiet fl-okkażjoni tal-festa ta’ San Liborju, il-qaddis patrun tal-Arċidjoċesi ta’ Paderborn, il-Ġermanja, bejn is-Sibt 22 u l-Erbgħa 26 ta’ Lulju 2017.

    Għal din il-festa ġew mistiedna madwar 20 isqfijiet u kardinali minn 14-il pajjiż. Din kienet l-ewwel darba li l-Arċisqof Scicluna ħa sehem f'dawn iċ-ċelebrazzjonijiet.

    Il-Ħadd, 23 ta’ Lulju, l-Arċisqof tal-Arċidjoċesi ta' Paderborn, Hans-Josef Becker, iċċelebra quddiesa pontifikali flimkien mal-isqfijiet u kardinali mistiedna u wara saret purċissjoni mat-toroq  tal-belt, bir-relikwi ta’ San Liborju. Il-barka sagramentali ngħatat mill-Isqof Awżiljarju ta’ Pderborn, Matthias König, li f’Ottubru tas-sena li għaddiet ġie Malta għall-festa ta’ San Liborju, li tiġi ċċelebrata fil-parroċċa ta’ San Pawl Nawfragu, il-Belt Valletta.

    L-Arċisqof Scicluna żar ukoll il-katidral ta’ Köln, fejn talab ukoll fuq il-qabar tal-kardinal Joachim Meisner, li miet ftit tal-jiem ilu. 

    Waqt din iż-żjara ta’ erbat ijiem, l-Arċisqof kien akkumpanjat minn Father Joseph Debono, saċerdot Malti li qed jagħmel ħidma pastorali fil-parroċċa ta’ San Frnaġisk ta’ Assisi, fil-belt ta’ Hamm, il-Ġermanja. Fil-knisja ta’ din il-belt, iddedikata lil Santa Reġina, l-Arċisqof Scicluna mexxa ċ-ċelebrazzjoni tal-vespri u waqt il-funzjoni kien assistit mis-seminarista Mike Hottmann, li s-sajf li ġej se jagħmel xogħol pastorali f’Malta, b’mod partikolari fil-parroċċa Ġermaniża.

    Mons. Charles J. Scicluna ltaqa’ wkoll mas-Sindku Prinċipali ta’ Hamm, Thomas Hunsteger-Petermann, u ż-żewġ sindki oħra, Ulrike Wäsche u Monika Simshäuser.

    Il-festa ta' San Liborju fil-Ġermanja, tiġi ċċelebrata fuq medda ta' jiem u matulha jiġu organizzati wkoll laqgħat mal-gruppi u għaqdiet tal-Knisja, taħdit fuq il-Bibbja, kif ukoll lok għal żfin u mużika. It-tema tal-festival ta' din is-sena kienet “il-ħbiberija hi sagra” u dan fid-dawl tal-fatt li tal-kriżi politika fl-Ewropa, fejn hu importanti li ningħaqdu flimkien fil-fidi u l-ħbiberija.