• L-Omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna

  • Parroċċa ta’ Wied il-Għajn

    29 ta’ Lulju 2017

    Il-festa ta’ Sant’ Anna tfakkarna wkoll fir-raġel tagħha San Ġwakkin. Fl-istatwa sabiħa li ilha hawnhekk 70 sena, San Ġwakkin ma jidhirx, imma qiegħed iħares lejna mill-istatwa li hemm mal-ġenb tal-knisja, u llum, meta nagħmlu l-quddiesa fuq is-simenta, iħarsu ftit lejn xulxin. Imma b’xi mod tgħiduli, “Sur Isqof, San Ġwakkin qiegħed hemm fl-istatwa għax hemm it-tifla tiegħu.” L-istatwa ta’ Sant’Anna biċ-ċkejkna Marija, u Marija ma ġietx weħidha, ġiet frott l-imħabba ta’ ommha u ta’ missierha, ta’ Sant’Anna u San Ġwakkin.

    Fil-ġuf ta’ Sant’Anna, il-Mulej xtaq li jagħmel u jagħti sinjal kbir ħafna tal-ħniena tiegħu. Għaliex qed ngħid hekk? Aħna, ta’ kull sena, lil Sant’Anna nagħmlulha żewġ festi kbar, mhux biss waħda fis-26 ta’ Lulju, imma nagħmulha oħra fit-8 ta’ Diċembru, imbagħad oħra fit-8 ta’ Settembru. Fit-8 ta’ Diċembru, ta’ kull sena, aħna nfakkru t-tnissil bla tebgħa tat-tifla ta’ Sant’Anna, ta’ Marija.

    U aħna niċċelebraw b’ferħ kbir dan il-miraklu li xtaq il-Mulej li fil-ġuf ta’ Anna, titnissel Marija miż-żerriegħa ta’ missierha u minn ommha – min jista’ jifhem ħa jifhem – il-Mulej intervjena biex iħares lil din iċ-ċkejkna fit-tnissil tagħha, fil-ġuf ta’ ommha, minn kull tebgħa tad-dnub. Mela meta nħarsu lejn Anna, irridu niftakru li hi mara li Alla għażilha biex fil-ġuf tagħha jibda l-istorja li ġabitilna l-fidwa. 

    Il-festa tat-8 ta’ Diċembru hija bla dubju l-festa ta’ bintha, imma hija daqstant ieħor il-festa ta’ ommha u ta’ missierha għax huma nissluha fl-imħabba tagħhom, fl-għaqda tal-imħabba ta’ bejniethom u Alla intervjena; huma ħalquha bħala bniedma, hu ħelisha mid-dnub għaliex hu kollu ħniena u jista’ kollox.     

    Tgħiduli, allura nifhmu għaliex omm il-Madonna kellha tkun jisimha Ħanna, bint il-ħniena għax dan ifisser Anna, bint il-ħniena. Tant ismijiet oħrajn fil-Bibbja jfakkruna fil-ħniena tal-Mulej: Joħanan, Ħananija. Ħanna hija prattikament il-verżjoni femminili ta’ Ħananija, Alla jħenn.

    San Ġorġ Preca li kif tafu, miet fil-ġurnata tagħha, kien iħobbha wisq lil Sant’Anna. Kien jemozzjona ruħu jiftakar li din il-mara hija n-nanna ta’ Ġesù, hija n-nanna tal-Iben ta’ Alla magħmul bniedem flimkien man-nannu. Hu kien jimmaġina lil dawn in-nanniet jogħxew bit-tifel ta’ binthom, l-għarusa ta’ Ġużeppi, u jitpaxxew bih bħalma jagħmlu n-nanniet kollha tad-dinja. In-nanniet hawn jifhmuni iżjed. Jien tgħallimt ninnota lil ommmi u ’l missieri meta saru nanniet; x’bidla saret fihom! Kultant konna ngħidu li jfissdu iżjed lin-neputijiet milli fissdu lilna. Imma naħseb dak huwa d-destin tan-nanniet kollha: li jogħxew b’ulied uliedhom, jifirħu b’ulied uliedhom. U nistgħu nimmaġinaw lil Sant’Anna u lil San Ġwakkin jogħxew bit-tarbija Ġesù, jarawh jagħmel l-ewwel pass, ilissen l-ewwel kelma.        

    Għaddew ukoll mit-turufnament tan-nanniet kollha li fl-ewwel snin tal-ħajja ta’ Ġesù ma kinux miegħu. U jiena rrid insellem lin-nanniet li għal raġuni jew oħra ma jistgħux igawdu lin-neputijiet tagħhom, għax in-nannu u n-nanna ta’ Ġesù ma setgħux igawduh waqt li qed jikber għax kien l-Eġittu. Il-Mulej qal lil Ġużeppi: “aqbad lit-tarbija u lil ommu u ħudhom fl-art tal-Eġittu għaliex min għandu s-setgħa jrid joqtlu” (ara Mt 2, 13). Imbagħad, meta miet Erodi, Ġużeppi reġa’ ħa messaġġ biex jieħu lit-tifel Ġesù u lil ommu, fil-belt ta’ Nazaret (ara v. 20). U nimmaġina l-ferħ ta’ Sant’Anna u San Ġwakkin jaraw kemm kien kiber Ġesù, forsi kien tgħallem xi kelma bl-Eġizzjan ukoll u jaraw kemm kien tifel innoċenti u fl-istess ħin intelliġenti. 

    Bil-ħarsa tagħha lejn bintha u bis-swaba jħarsu lejn is-sema, Sant’Anna tgħallimna wkoll kif għandhom ikunu l-ġenituri skont il-qalb tal-Mulej. Sant’Anna qed tgħallem lil bintha tħares lejn is-sema mhux biex tinsa l-art, imma biex tiftakar li dak kollu li hu sabiħ fil-ħajja huwa mbierek mis-sema.

    Illum smajna silta mill-Ewwel Ittra ta’ San Ġwann Appostlu li jgħallimna li jekk irridu nħobbu tassew, mhux kwistjoni ta’ kliem u tpaċpiċ, imma bl-għemil. “Uliedi, ma nħobbux bil-kliem u t-tpaċpiċ imma bl-għemil u tassew” (1 Ġw 3, 18). U Sant’Anna tgħinna nifhmu dan il-kliem ta’ Alla biex aħna nagħmluh fil-fatti.

    Quddiemi qed nara komunità kbira, sabiħa u żagħżugħa. Kemm tkun ħaġa sabiħa li aħna, bħala komunità Nisranija, inħobbu tassew lil xulxin. X’jiswa li aħna nħobbu ħafna lil Sant’Anna, lil bintha Marija, imma mbagħad ma nħobbux lil proxxmu tagħna? Hemm bżonn li aħna nidraw f’xulxin naraw lil Binha Ġesù, lin-neputi ta’ Anna u lill-Iben ta’ Marija.

    Il-mara ta’ qawwa, bħalma kienet Anna u bħalma kienet bintha Marija, tiftaħ idejha mal-fqir, tmidd idejha lejn l-imsejken, u li tmidd idek huwa li tagħti lilek innifsek. U hawnhekk ngħarfu l-imħabba vera, “b’dan naslu biex nagħrfu x’inhi l-imħabba” jgħid San Ġwann, “li hu ta’ ħajtu għalina” (v. 16). Jiena nixtieq insellem lil tant ġenituri, lil tant nanniet li jagħtu ħajjithom għal uliedhom u għal ulied uliedhom u nitlob l-interċessjoni qawwija ta’ Sant’Anna biex waqt li ngħożżu l-kliem għeżież ma u pa, nanna u nannu, bużnanna u bużnannu għax issa qed ngħixu iżjed, aħna nikbru fl-imħabba lejn xulxin, nirrispettaw lil xulxin, ngħinu lil xulxin u meta nindunaw li hemm xi ħadd li għandu bżonn ta’ kelma ta’ kuraġġ jew għajnuna, ma noqogħdux lura.

    L-aħħar kelma: qed tarawha lil Sant’Anna b’id waħda tindika l-ġenna u bl-oħra sserraħ fuq spallejn bintha? Qed tedukaha, qed tedukaha. It-tagħlim hu l-għajn ta’ kull ġid, u l-ewwel edukazzjoni tibda fil-familja. Fil-familja nitgħallmu ngħidu thank you jew grazzi, fil-familja nitgħallmu ngħidu jekk jogħġbok, please, fil-familja nitgħallmu ngħidu sorry, aħfirli. It-tagħlim li jagħmilna nies. Tajjeb ikollna ħafna skejjel u universitajiet imma l-ewwel edukazzjoni trid tkun fil-familja u l-ewwel edukazzjoni trid tkun l-edukazzjoni tal-qalb.

    Ċapċipa lil Sant’Anna. Viva Sant’Anna.

     Charles J. Scicluna

        Arċisqof ta’ Malta