• San Mattew 14:1-12 

    F’dak iż-żmien, Erodi t-Tetrarka sama’ bil-fama ta’ Ġesù u lill-qaddejja tiegħu qalilhom: “Dan Ġwanni l-Battista! Iva, hu, qam mill-imwiet! U minħabba f’hekk il-qawwa tal-mirakli qiegħda taħdem fih!”.

    Għax Erodi kien arresta lil Ġwanni, u qaflu l-ħabs u ħallieh hemm minħabba Erodja, mart ħuh Filippu. Għax Ġwanni kien jgħidlu: “Inti lil dik ma tistax iżżommha!”. Ried kieku joqtlu, imma kien jibża’ min-nies, għax kienu jżommuh bi profeta.

    Mela wasal jum li fih Erodi għalaq sninu, u bint Erodja ħarġet fin-nofs tiżfen, u għoġbot lil Erodi; għalhekk wegħedha taħt ġurament li jagħtiha kulma titolbu. U hi, mogħwija minn ommha, qaltlu: “Agħtini issa stess ras Ġwanni l-Battista fuq platt”.

    Is-sultan tnikket, iżda minħabba l-ġurament li ħa u l-mistednin tiegħu ordna li tingħatalha. U bagħat jaqta’ ras Ġwanni fil-ħabs. U ġiebu rasu fuq platt u tawha lit-tfajla, u din ħaditha lil ommha.

    Imbagħad id-dixxipli tiegħu ġew, ħadu l-ġisem tiegħu u difnuh, u marru jagħtu l-aħbar lil Ġesù.