Imnedija l-ewwel fażi tal-proġett ta’ multimedia fil-Katidral, il-Mużew u l-Arkivju tal-Imdina

  • Fil-bidu ta’ din is-sena, il-Kapitlu Metropolitan tal-Imdina nieda programm ta’ mmodernizzar għal Katidral tal-Imdina, il-Mużew tal-Katidral u l-Arkivju, mifrux fuq medda ta' snin.  Dan il-proġett huwa maħsub sabiex il-patrimonju nazzjonali li wieħed jsib fil-Katidral, fil-Mużew u fl-Arkivji, mhux biss jiġi ppriservat bl-aqwa mod, imma jsir aktar aċċessibli għall-pubbliku. Il-proġett ikompli jsawwar il-prodott turistiku Malti billi joffri  esperjenza aqwa lill-viżitaturi ta’ dawn  it-tliet ġojjelli uniċi fl-Imdina.

    L-ewwel fażi tal-proġett tħaddan fiha sistemi interattivi ta’ multimedia miġbura fi tliet websajts iddisinjati għal dawn l-entitajiet. Dawn se jservu ta’ pjattaforma għall-immarkittjar ta' dawn l-entitajiet mal-pubbliku lokali u anke mal-eluf ta' turisti li kull sena jżuru l-Imdina. 

    Bl-użu tal-aħħar teknoloġija ta’ virtual tours, fotografija bid-drone, dokumentarji u filmati, il-ħsieb wara l-websajt huwa li tqanqal kurżità fost min ikun se jżur l-Imdina sabiex iżur personalment u jara b’għajnejh ir-rikezzi kulturali u uniċi miġbura f’dawn l-postijiet.

    Il-websajt hija intiża li tattira mhux biss lill-pubbliku Malti iżda ukoll lil viżitatur biex iżur il-Katidral u l-Mużew u anke jammiraw xogħlijiet bħalma huma dawk ta’ Mattia Preti, Francesco Zahara, Favrei, kollezzjonijiet uniċi bħal dik ta’ Albercht Durer u l-kollezzjoni tal-muniti,  sett ta’ 15-il statwa antiki tal-fidda, il-Polittiku li juri siltiet mill-ħajja ta’ San Pawl u oħrajn.

    Bħala parti mill-50 anniversarju tal-Mużew u l-Arkivju tal-Imdina, hu bix-xieraq li l-pubbliku jkun jaf aktar dwarhom. Bħala parti mill-proġett, se tkun qed tiġi mnedija database għall-Arkivju tal-Katidral, li maż-żmien se tkun qed tikkataloga d-dokumenti kollha li hemm fl-Arikivju. Din id-database hija aċċessibli direttament minn ġol-websajt, li ħadet diversi xhur biex imbniet u nħadmet mill-kumpanija Cyberspace Solutions.

    B’investiment ta’ aktar minn €30,000, din hija biss l-ewwel fażi ta’ proġett ambizzjuż li huwa maħsub biex itejjeb bil-bosta l-esperjenza tal-viżitaturi fil-Katidral u fil-Mużew tal-Imdina, u jkunu aktar aċċessibli lir-riċerkaturi l-Arkivju tal-Katidral.

    Fil-fażijiet li jmiss, il-Kapitlu se jkun qed jinvesti f’audio guides u f’diversi apparat interattiv ieħor għall-viżitatur, b’informazzjoni, fatti, ritratti, filmati u dokumentazzjonijiet dwar il-wirt storiku tal-Katidral, l-Mużew u l-Arkivju.

    Għal aktar tagħrif ibgħat imejl fuq info@metropolitanchapter.com jew ċempel fuq 21454136 għall-Katidral, 21454697 għall-Mużew, u 21450303 għall-Arkivju, jew 21456620 sabiex tkellem l-Amministrazzjoni.