• ****

    Direttur:               Michael Showalter

    Atturi:                   Kumail Nanjiani, Zoe Kazan, Holly Hunter, Ray Romano, Adeel Akhtar, Anupam Kher,

    Zenobia Shroff  u Bo Burnham

    Ħin tal-Film:        124 min

    Maħruġ minn KRS Releasing Ltd

    KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA:                         12

    KLASSIFIKA TAL-KNISJA:                              15

    Kumail hu emigrant mill-Pakistan minn ċkunitu. Jgħix ġewwa Chicago u xogħolu hu ta’ kummidjant u fil-ħin liberu tiegħu jaħdem bħala sewwieq. Familtu hija tradizzjonalment Pakistani-Musulmana u kienet tħeġġu biex iżomm it-tradizzjonjiet ta’ pajjiżu fosthom dik li jiżżewweġ tfajla Pakistana u jkun Musulman prattikanti. Spiss kienu jġibulu d-dar tagħhom xi tfajla Pakistana ħelwa biex forsi Kamail jinġibed lejha u ssir martu. Kumail kellu numru mhux ħażin ta’ ritratti ta’ dawn it-tfajliet iżda kien kollu għalxejn għax qatt ma wera xewqa li jiehu xi ħadd minnhom fiż-żwieġ.

    Waqt wirja li kien qiegħed jaghti, Emily, waħda tfajla mill-udjenza, ppruvat tfixklu milli jkompli biċ-ċajt tiegħu. Wara l-wirja, Kumail ried ikun jaf x’kienet ir-raguni li għamlet hekk. Din il-laqgħa kellha tkun waħda minn ħafna laqgħat li għenet biex tikber relazzjoni bejniethom għalkemm il-karattri kienu differenti ħafna. Iżda din ir-relazzjoni ħolqot problema għal Kamail għax ma kienx jaf kif sejjer jgħarraf lill-familja tiegħu b’din ir-relazzjoni ma’ Emily.  Iktar ma din ir-relazzjoni bdiet tidħol fil-fond, Emily xtaqet li Kamail jiltaqa’ mal-ġenituri tagħha. Kumail kien ċert li l-famillja konservattiva tiegħu qatt ma kienet sejra taċċetta lil xi hadd barrani mill-kultura tagħhom. Naveed, ħu Kumail, ipprova għalxejn biex jipperswadih biex jinsiha.

    Darba, Emily issib il-kaxxa mimlija ritratti ta’ tfajliet Pakistani. Kumail iqerr magħha, meta kkonfrontatu, x’kienet il-problema tiegħu. Ftit wara dan l-inċident, Kumail isir jaf li Emily iddaħħlet l-isptar b’emerġenza. Hu jmur l-isptar iżda Emily ma tkunx trid taf bih u tkeċċih ‘il barra. Hu u ħiereġ, it-tabib jinfurmah li Emily kellha infezzjoni serja fil-pulmun u kien hemm urġenza li tiddaħħal medikament f’koma. Kumail jiffirma l-formula biex iseħħ dan minħabba l-emerġenza u ma kienx hemm iktar ħin x’jintilef. X’jiġri minn hawn?

    Film romantiku-kummiedja Amerikan, msejjes fuq storja vera, hu taħt id-direzzjoni ta’ Michael Showalter, kitba ta’ Kumail Nunjiani u Emily V. Gordon, il-protaganisti tal-istorja.  Minħabba l-istorja fiha nfisha kif ukoll ċajt goff u profann, it-temi ttrattati bħal immigrazzjoni, problemi etniċi, rabtiet ta’ mħabba bejn kulturi differenti, kif ukoll id-diffikultajiet finanzjarji biex wieħed jilħaq l-għan tiegħu fil-ħajja, ikun tajjeb li l-film jarawh dawk li għalqu il-ħmistax-il sena.