• ****

    Direttur:         Tony Leondis

    Ilħna:               T.J. Miller, James Corden, Anna Faris, Maya Rudolph, Steven Wright, Jennifer Coolidge, Christina Aguilera u Patrick Stewart

    Ħin tal-Film:    86 min

    Maħruġ minn KRS Releasing Ltd

    KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA:      U

    KLASSIFIKA TAL-KNISJA:           U

    Gene, emoji jgħix f’Textopolis, belt diġitali fit-telefon ta’ Alex, tifel li kien jammira ħafna tifla fl-iskola fejn kien imur. Gene, hu iben Mel u Mary, żewġ emoji li rabbewh tajjeb. Gene iżda kellu l-kapaċità li jagħmel kull forma ta’ espressjoni mhux bħal emoji oħrajn. Minħabba f’hekk, il-ġenituri ma xtaqux li Gene jibda jaħdem. Iżda Gene talabhom biex ituh ċans. Gene jibda jaħdem u meta jiġi magħżul, jippanikja u fil-paniku jagħmel espressjonjiet mħawwda b’riżultat li jiddistruġġi ċ-ċentru fejn kienu joħorġu t-testi. Wara dan id-diżastru, Gene jiġi msejjaħ minn Smiley, emoji li kienet tmexxi ċ-ċentru. Din tikkonkludi li Gene ma kienx tajjeb għax-xogħol u għalhekk ikkundannatu biex jiġi mħassar. Gene ssib ruħu jiġru warajh numru ta’ ‘bots, li xogħolhom kien li jeqirdu lil Gene.

    B’xorti tajba Gene jiġi salvat minn Hi-5, li darba kien emoji popolari imma issa tilef il-fama kollha minħabba li ma kienx qiegħed ikun użat. Hi-5 jgħid lil Gene li jekk isibu xi hacker, dan ikun jista’ jirranġah. Sadanittant Smiler, meta tisma’ li Gene kien ħalla Textopolis, tibgħat iktar ‘bots,  biex isibu lil Gene. Dan l-inċident ġewwa ċ-ċentru ħawwad lil Alex għaliex ħaseb li t-telefon tiegħu kien bil-ħsara u għalhekk ra kif jagħmel biex jsewwi l-ħsara.

    Min-naħa ta’ Hi-5, dan imur fl-applikazzjoni pirata fejn hemm isib il-hacker Jailbreak li kienet ħafna tixtieq li tidħol fid-Dropbox u hekk tkun tista’ ssib ruħha fi sħaba. It-tlieta li huma, Gene, Hi-5 u l-Jailbreak jiġu attakkati minn bots li Smiley bagħtet iżda dawn jirnexxielhom jaħarbu ġewwa applikazzjoni Just Dance. Jailbreak jirrivela li hi kienet prinċipessa emoji, bl-isem ta’ Linda. Linda ħarbet mid-dar għax kienet imdejjqa tagħmel dejjem l-istess. Għal darb’oħra, it-tlieta jiġu attakkati minn bots. Gene u Jailbreak jirnexxielhom jaħarbu iżda Hi-5 jinqabad wara li Alex jħassar l-applikazzjoni Just Dance. X’jiġri minn hawn? Sadanittant, Mel u Mary, ikunu qegħdin ifittxuh, waqt li Gene u Jailbreak qegħdin jagħmlu ħilithom biex isalvaw lil Hi-5 mill-iskart li sab ruħu fih.

    Film kummiedja,  Amerikan, animat ikkomputerizzat, hu taħt id-direzzjoni ta’ Tony Leondis, kitba ta’ Leondis, Eric Siegel u Mike White, msejjes fuq is-simboli emoji. Film, b’messaġġ pozittiv, bi storja tajba u li għandu jogħġob lil kulħadd.