• ***

    Direttur:          Malcolm D. Lee

    Atturi:              Regina Hall,  Jada Pinkett Smith, Tiffany Haddish, Queen Latifah, Larenz Tate, Mike Colter, Kofi Siriboe u Kate Walsh

    Ħin tal-Film:    122 min

    Maħruġ minn KRS Releasing Ltd

    KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA:                  15

    KLASSIFIKA TAL-KNISJA:                       18

    Erba’ nisa huma ħbieb kbar ta’ xulxin minn meta kienu għadhom il-kulleġġ flimkien. Dak iż-żmien kienu magħrufa bħala l-Flossy Posse. Għamlu żmien twil bla ma raw lil xulxin minħabba l-fatt li kollha kienu qabdu triqat oħra kif dejjem jiġri meta wieħed jikber u jitlaq l-istudju.

    Sasha għamlet żmien taħdem bħala ġurnalista. Jidħer li ma tantx kienet tibża’ għal flus. Issa tinsab taħdem għal rasha billi tipprova titkixxef u xxerred xi diċerija fuq xi hadd magħruf. Lisa kienet iżżewwġet u kellha żewġ itfal iżda sfortunatament tinsab divorzjata u tgħix m’ommha. Dina, l-iktar waħda fuq tagħha mill-grupp kollu, m’għandha rabta ma’ ħadd waqt li Ryan hi awtriċi u kisbet suċċessi kbar u qegħda tistenna li tirċievi investiment qawwi biex twaqqaf l-ewwel Huffington Post  tas-suwed. Kienet ukoll miżżewġa lil Stewart, magħruf sewwa u stmat bħala stilla fl-NFL.

    Dawn l-erbgħa jiddeċiedu li jiltaqgħu wara ħafna żmien biex jattendu għall-Festival Annwali Mużikali “Essence”  li kien  qiegħed jiġi sponsorjat minn rivista ġewwa New Orleans. Ryan ġiet mitluba biex tkun il-kelliema ewlenija f’dan il-festival bħala preludju għal fteħim li kien qiegħed isir. Din l-avventura offriet lil dawn l-erba’ ħbieb biex jixorbu kemm jifilħu, jiżfnu ma’ min jiġi u jitkellmu fuq il-ħajja sesswali tagħhom l-aktar meta Dina ssir taf li Lisa kienet ilha żmien twil sajma mis-sess. Għalkemm sabu ruħhom f’din il-qagħda, dejjem żammew id-dinjità tagħhom meta ma kienux xorbu żzejjed, iżda meta kien hemm waqtiet, waqt il-Crescent Night, sabu skuża biżżejjed biex l-imġieba tagħhom xejn ma kienet edifikanti. Din l-avventura tieħu xejra oħra meta Sasha ssir taf li Stewart kien qiegħed jaqliba lil Ryan  ma’ mudella “Instagram”.  X’jiġri minn hawn? Ryan issib ruħha f’dilemma!

    Film kummiedja Amerikana taħt id-direzzjoni ta’ Malcolm D. Lee, kitba ta’ Kenja Barris u Tracy Oliver. Minħabba mġieba xejn dinjituża u li ħafna drabi tkun bla kontroll minħabba xorb żejjed kif ukoll użu ta’ droga, ċajt sesswali u kliem goff, ikun tajjeb li l-film jarawh dawk li għalqu t-tmintax-il sena.