"Nitolbu għal min lill-Knisja jridha marbuta bil-ktajjen tas-silenzju għaliex dak li tgħid ma jogħġbux" - L-Arċisqof

Quddiesa fl-għeluq l-1950 anniversarju mill-martirju ta’ San Pietru Appostlu

  •  

    L-Omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna

  • Knisja Parrokkjali ta’ Birżebbuġa

    2 ta’ Awwissu 2017

    “Int Xmun bin Ġwanni”. Fl-Evanġelju ta’ San Ġwann din l-espressjoni ta’ Ġesù nsibuha fil-bidu ta’ dan l-episodju li għadna kemm smajna u li qara Fr John Berry, u lejn l-aħħar tal-Evanġelju meta Ġesù jgħid lil Pietru, “Xmun, Bin Ġwanni, tħobbni inti?” (Ġw 21, 15). Ma jgħidlux Pietru, imma Xmun bin Ġwanni, Simon Barjona għax “Barjona” tfisser bin Ġwanni; hekk kien l-isem ta’ San Pietru bil-Lhudi, Simon Barjona.

    Dan l-isem ifakkar lill-appostlu għażiż tagħna li huwa bniedem bin il-bnedmin, imma l-isem ta’ missieru huwa dak li ta’ isem għażiż, qaddis u ta’ tama. Għax missieru kien jismu Ġwanni li tfisser Alla ħanin, Johanan. U Pietru jieħu dan l-isem minn Ġesù stess. San Pietru jpoġġi l-isem il-ġdid ta’ Xmun propju fl-ewwel laqgħa tiegħu ma’ Ġesù, “Ġesù jħares lejh” (Ġw 1, 36). Nistgħu nimmaġinaw dik il-ħarsa li xxoqq il-għadam, il-ħarsa li tinfed il-qalb, ifakkru min hu, bin min hu, imma jagħtih isem ġdid: il-blata, Kefa, Pietru (v. 42); Dawn it-tliet kelmiet huma l-istess: blata, kefa, Pietru.  

    Isemmih il-blata, fuqu ddeċieda li jibni “l-Knisja tiegħu u s-setgħat tal-infern ma jegħlbuhiex” (Mt 16, 18). Fuq dan ir-raġel, sajjied u miżżewweġ, it-tradizzjoni tgħidilna li kellu tifla, kellu żgur il-mara u kellu wkoll il-kunjata. Nafu li Ġesù fejjaqlu l-kunjata. Jiena nħobb nimmaġina iżjed xena familjari normali. Dan is-sajjied bravu, ma’ ħuh Indrì fuq ix-xatt tal-baħar ta’ Tiberijade, lake enormi, jara dan ir-raġel, jiltaqa’ miegħu jgħidlu, “ejja warrajja” (Mt 4, 19) u jitlaq kollox: il-mara, it-tifla u l-kunjata.

    Nitolbu wkoll għal min lill-Knisja jridha marbuta bil-ktajjen tas-silenzju għaliex dak li tgħid ma jogħġbux.

    Tistgħu timmaġinaw x’qalet jew ma qalitx il-kunjata meta mar jgħidilha li telaq kollox biex jimxi wara mastruddaxxa ta’ tletin sena minn Nazaret? X’ma qalitx din l-imbierka! Il-mara ma titkellimx, naħseb kienet mara ta’ paċenzja kbira, imma l-kunjata żgur pattiet għaliha. U din tispiċċa bid-deni (ma nafx hux bid-dagħdiegħa li qabditha) imma ħin minnhom lil Ġesù jgħidulu, “omm il-mara ta’ Xmun ma tiflaħx”. X’jagħmel Ġesù? Jidħol, jaqbadha minn idha, ifejjaqha u hi qamet u bdiet isservihom, mhux lilhom biss, imma wkoll lil dawk li kellu miegħu li kienu telqu kollox għal warajh. Skopriet kemm l-għażla ta’ Xmun kienet għażla għaqlija għax l-ewwel ma bbenefikat kienet hi stess. Reġa’ taha l-ħajja u jien nimmaġina li d-diskors tagħha f’Kafarnahum inbidel.

    “Sibna l-Messija” (Ġw 1, 41). Ħu Xmun Pietru, Indrì mal-ewwel jgħid lil ħuh li dan li ltaqgħu miegħu huwa l-Messija, il-Kristu, il-Midluk. U meta flimkien ma’ Ġwanni jgħidulu, “Fejn toqgħod?” jgħidilhom, “Ejjew u taraw” (vv. 38-39). U din hija l-kelma wkoll li żgur jirrepeti lil Xmun bin Ġwanni, għaliex Pietru kellu jkun ix-xhud tal-qawwa ta’ Ġesù u jqajjem it-tifla ta’ Ġajru mill-mewt. Kellu jkun xhud flimkien ma’ wlied Żebedew, Ġwanni u Ġakbu, tal-glorja tiegħu fit-trasfigurazzjoni fuq il-muntanja Tabor. Kellu jkun ukoll xhud imma tal-agunija tiegħu fl-ort tal-Ġetsemani.

    Kellu jkun xhud ta’ Ġesù u din hija s-sejħa li l-Mulej jagħmel lilna wkoll. Il-Mulej, bħalma għamel meta ltaqa ma’ Xmun bin Ġwanni, bħalma għamel fil-każ ta’ Samwel, isejħilna b’isimna, jafna bl-għeruq u x-xniexel. Aħna miktubin fuq il-pala ta’ jdejh u minn hemmhekk ma jħassarna ħadd. Il-Mulej jagħrafna u jħobbna, u jħobbna mhux bħala numru imma jħobbna b’isimna. Is-sejħa ta’ Samwel kienet sempliċi daqskemm kienet profonda. “Samwel” l-isem biss biżżejjed u r-risposta li għallmu Għeli hija r-risposta li toqgħod ukoll fuq fomm Xmun bin Ġwanni: “Tkellem għax il-qaddej tiegħek qiegħed jisma’” (1Sam 3, 9).

    Aħna f’Kefa, fi Xmun li sar Pietru, għax hekk tah l-isem Ġesù stess, inqimu d-dixxiplu li l-Evanġelji ma jaħbux id-dgħufija tiegħu u għalhekk inħossuh ħafna qrib tagħna. Dan huwa dak li jagħraf li Ġesù huwa l-Messija. Meta Ġesù jistaqsihom, “In-nies min jgħidu li jien?” Min jgħid Elija, min jgħid Ġwanni l-Battista qam mill-imwiet, min jgħid profeta. “Imma intom min tgħidu li jien?” Jaqbeż Pietru u jgħidlu, “Inti l-Messija, inti l-Iben t’Alla l-ħaj”. U l-Mulej jgħidlu, “mhux bniedem tad-demm u l-laħam uriek dan, imma Missieri li hu fis-smewwiet. U inti Pietru u fuqek nibni l-Knisja tiegħi” (ara Mt 16, 13-18).

    Imma meta mbagħad jitkellem fuq is-salib, Pietru jlumu lil Ġesù, jgħidlu, “Mulej, mhux hekk għax se jaħarbu n-nies titkellem fuq is-salib, fuq it-tbatija, fuq iċ-ċaħda, fuq il-mewt ħarxa”. “Warrab wara, imxi wara għax jien il-leader. Va dietro, wara” (ara vv. 22-24). U  kellu jitgħallem li l-liġi u l-mod ta’ Ġesù huma differenti minn tad-dinja.

    Meta l-Mulej ried jurihom xi tfisser taħsel riġlejn id-dixxipli, Pietru l-ewwel ipprotesta u qallu, “Le, ma jkunx li inti taħsilli riġlejja”. Ġesù qallu, “jekk ma tħallinix naħsillek riġlejk, mela m’għandekx x’taqsam miegħi”. Pietru qallu, “Le mela, mhux riġlejja biss anke rasi wkoll” (ara Ġw 13, 6-10). Tipika tiegħu, Pietru, eh? Bħal meta qallu, “Jiena wkoll niġi u mmut miegħek”. Imbagħad Ġesù jħares lejħ u jgħidlu, “Pietru, Pietru qabel jiddi s-serduk, inti tkun ċħadtni tliet darbiet” (ara Ġw 13, 37-38), “Imma jien tlabt għalik, jiena tlabt għalik”.

    Ġesù jkompli jitlob għal Pietru, jinterċedi għal Pietru fl-istorja tal-Knisja, għax Pietru huwa l-ewwel kap minn sensiela. U għalhekk intom li tqimu b’mod speċjali l-bidu tat-tbatijiet ta’ Pietru bħala dixxipli tal-Mulej, għandkom vokazzjoni speċjali li tahielkom il-predeċessur tiegħi, l-Arċisqof Mauru, meta ta dan it-titlu lil din il-parroċċa, il-vokazzjoni li intom titolbu dejjem b’mod speċjali għall-Papa. Titolbu għalih għax il-Papa wkoll irid jgħaddi mit-tbatiijiet li għadda minnhom l-ewwel wieħed, Pietru, u ħafna drabi għandu bżonn it-talb tal-Knisja biex jinħeles mill-ktajjen tal-inganni, tal-mibegħda, tal-kalunja, u ta’ min irid ifixklu fil-ministeru tiegħu.

    L-Isqof jiddefendi l-merħla tiegħu dejjem u kullimkien u quddiem kulħadd, mingħajr biża’, mingħajr ma jħares lejn uċuh.

    Itolbu wkoll għall-Isqof tagħkom, għalija. Tħobbuni jew tobogħduni, jiena hu, ħudu paċenzja bija bħalma jien nieħu bikom. Għażilni l-Papa u nibqa’ hawn sakemm il-Papa jgħidli mod ieħor. Itolbu għall-Isqof tagħkom biex ikun dejjem magħqud fir-ruħ u fil-qalb mal-Papa għax l-Isqof tal-post, li jirrapreżenta lil Ġesù għad-djoċesi tiegħu, għandu l-awtorità daqskemm hu marbut mal-Papa, daqskemm hu marbut mas-suċċessur ta’ San Pietru. Għalhekk itolbu għalija biex jien bil-mod kif naħseb, bil-mod kif nitkellem, bil-mod kif naġixxi, u bid-deċiżjonijiet tiegħi, inkun dejjem maqgħud mal-Papa Franġsiku. Anke dak, wieħed hawn, Franġisku.

    Nitolbu wkoll għal min lill-Knisja jixtieqha fil-ktajjen, nitolbu lil San Pietru biex idawwal il-moħħ ta’ min lill-Knisja jridha ma tarax, ma tismax, u ma titkellimx, iridha marbuta bil-ktajjen tas-silenzju għaliex dak li tgħid ma jogħġbux. Nitolbu biex kif ħeles lil San Pietru mill-ktajjen tal-għedewwa tal-Knisja, hekk ukoll il-Mulej, illum ibiegħed mill-Knisja, mir-rgħajja tagħha, il-ktajjen ta’ min jobgħodha. Ma jgħoddx min iċapċpilha, jiġi fuq il-bankijiet tal-knisja u jitqarben, imma jgħodd kemm aħna nsegwu t-tagħlim ta’ Ġesù, għax dik il-blata li “s-setgħat tal-infern ma jegħlbuhiex” jagħmlu x’jagħmlu u jgħidu x’jgħidu.

    Mela, jekk taħsbu li l-Isqof xogħlu hu li jibża’ jew li jaħrab, ibdlu l-fehma tagħkom. L-Isqof jiddefendi l-merħla tiegħu dejjem u kullimkien u quddiem kulħadd, mingħajr biża’, mingħajr ma jħares lejn uċuh, imma ħalluh ukoll juri l-imħabba tiegħu lejn kull wieħed u waħda minnkom. Allaħares l-Isqof, biex juri kemm hu bravu, isawwat il-merħla. L-Isqof huwa qaddej, l-Isqof irid  jaħsel is-saqajn tad-dixxipli, imma mhux xogħlu li jiskot, mhux xogħlu li jagħmilha taparsi ma jarax, u lanqas hu xogħlu li jsodd widnejh għall-karba ta’ min għandu bżonn l-għajnuna.

    Nitolbu biex il-Knisja tkun dejjem soda fuq ix-xhieda ta’ San Pietru u li jkollha rgħajja bħalma kellha, li huma denji ta’ appostlu tant kbir.

    Viva San Pietru!

     Charles J. Scicluna

        Arċisqof ta’ Malta

  •  
    Ritratt: Facebook - Festa San Pietru Appostlu, Birzebbuga, Malta