• Fl‑2016 il‑Kurja tal‑Arċisqof irreġistrat surplus ta’ €752,000 li tqassam f’sussidji lil diversi entitajiet tal‑Knisja li jwettqu ħidma soċjali u ta’ karità.

    Waqt il‑preżentazzjoni tar‑rapport finanzjarju tal‑Arċidjoċesi ta’ Malta għas‑sena 2016, is‑Segretarju Amministrattiv, Michael Pace Ross, qal li permezz tas‑surplus il‑Knisja tista’ tkompli bl‑operat pastorali tagħha mat‑tfal, iż‑żgħażagħ, il‑familji, l‑anzjani, il‑persuni b’diżabilità, u dawk li huma fil‑bżonn. Qal ukoll li s‑sena l‑oħra żdiedu sostanzjalment id‑donazzjonijiet mill‑benefatturi, fosthom mill‑MMDNA.

    Ir‑riżultati finanzjarji juru li d‑dħul mid‑donazzjonijiet għamel tajjeb għal tnaqqis mill‑ġbir fil‑knejjes, mill‑attivitajiet ta’ ġbir ta’ fondi (fundraising) u mill‑investimenti. Dan wassal biex l‑Arċidjoċesi tirreġistra żieda fid‑dħul ta’ €1.8 miljun fuq is‑sena ta’ qabel.

    L‑Arċidjoċesi ta’ Malta timpjega aktar minn 1,400 persuna. L‑infiq tal‑entitajiet kollha tal‑Arċidjoċesi, fosthom il‑parroċċi, żdied b’aktar minn €2.7 miljuni fuq is‑sena ta’ qabel. Ammont sostanzjali tal‑ispejjeż kienu r‑remunerazzjoni tal‑kleru Djoċesan u l‑pagi tal‑impjegati. Iż‑żieda fl‑infiq kienet dovuta wkoll għal titjib fis‑salarji tal‑ħaddiema, impjiegi ġodda f’diversi djar tat‑tfal, tal‑anzjani u tal‑persuni b’diżabilità, u żieda wkoll fl‑ispejjeż relatati max‑xogħlijiet ta’ tiswija u ta’ manutenzjoni ta’ binjiet antiki.

    Waqt il‑konferenza tal‑aħbarijiet, is‑Sur Michael Pace Ross qal li f’dawn l‑aħħar snin il‑Knisja f’Malta investiet f’diversi inizjattivi li jħarsu l‑ambjent, fosthom l‑installazzjoni ta’ panelli fotovoltajiċi li qed jibbenefikaw minnhom madwar 30 parroċċa. Huwa spjega li dawn l‑inizjattivi issa bdew jagħtu benefiċċji finanzjarji u aktar importanti minn hekk inaqqsu l‑carbon footprint. Minbarra l‑ħarsien tal‑ambjent, is‑Segretarju Amministrattiv semma wkoll ir‑responsabbiltà li għandha l‑Knisja biex tieħu ħsieb il‑patrimonju kulturali u storiku għall‑ġenerazzjonijiet futuri. Għal dan il‑għan twaqqfet il‑Fondazzjoni għall‑Patrimonju Kulturali li applikat biex tikseb fondi Ewropej għal 17‑il proġett differenti ta’ restawr u manutenzjoni, fosthom l‑Arkivju fil‑Kurja tal‑Arċisqof.

    Ir‑riżultati finanzjarji tal‑Arċidjoċesi ta’ Malta qed jiġu ppublikati fuq il‑websajt www.thechurchinmalta.org. Dawn ma jinkludux id‑Djoċesi ta’ Għawdex u dawk l‑entitajiet f’Malta mmexxija mill‑Ordnijiet Reliġjużi.

    Agħfas hawn biex tniżżel ir-rapport finanzjarju tal-Arċidjoċesi ta’ Malta għas-sena 2016.