• ***

    Direttur:           David F. Sandberg

    Atturi:               Stephanie Sigman,Talitha Bateman, Anthony LaPaglia, Miranda Otto, Lulu Wilson, Grace Fulton Lou Lau Safran u Samara Lee

    Ħin tal-Film:    109 min

    Maħruġ minn KRS Releasing Ltd

    KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA:                   15

    KLASSIFIKA TAL-KNISJA:                        15

    Sam Mullins u martu Esther tilfu lil Annabelle, l-uniku tifla li kellhom f’età żgħira ta’ seba’ snin f’inċident traġiku meta ttajret minn trakk. Għaddew tnax-il sena minn din it-traġedja li ħalliet vojt kbir fil-qalb tal-koppja Mullins. Issa li kienu għaddew tant snin, Sam u Esther iddeċidew  li joffru darhom fil-kampanja lil Sister Charlotte u sitt itfal bniet li kienu jgħixu fl-orfanotrofju u li sfortunatament kellu jingħalaq. Kienet grazzja li sabu kenn f’din id-dar fil-kampanja.

    Fost il-bniet insibu lil Janice, tifla li kienet mardet bil-marda tal-polio. Għal bidu kollox mar tajjeb u kemm is-soru kif ukoll it-tfajliet sabu ruħhom f’dar komda u kbira fil-kampanja. Anke Janice, għalkemm kellha diżabilità, fid-dar kellha siġġu tal-elettriku li permezz tiegħu setgħet titla’ fuq fejn kien jorqod kulħadd. Problema għal Janice kienet li ma tantx kienet tista’ toħroġ barra biex tilgħab ma’ sħaba u għalhekk kellha tgħaddi ħafna ħin ġewwa tara kif tagħmel biex iżżomm ruħha okkupata.

    Darba waħda l-kurżità għelbitha u fost il-ħafna kmamar li kien hemm fid-dar, sabet iċ-ċavetta ta’ bieb li kien imsakkar. Ma kienx mument li Janice fetħet dan il-bieb! Din il-kamra kienet il-kamra ta’ Annabelle kif kienet tħalliet wara l-mewt traġika u li fiha kienet inżammet il-pupa li Annabelle kienet qalgħet mingħand missierha Sam li kien iħobb jagħmel dawn il-pupi u l-ewwel waħda li kien għamel, kien taha bħala rigal lil bintu.

    Minn hawn nibdew nassistu għal avventuri tal-bizà u ta’ tkexkix. Janice ssib ruħha wiċċ imbwiċċ ma’ dik li dehret li kienet it-tifla mejta Annabelle. X’beda jiġri sewwasew hekk kif Janice skopriet u fetħet beraħ dak li għal tant snin kien maqful f’dik il-kamra?

    Film Amerikan, tal-biżà u li jsaħħu l-ġrajjiet sopranaturali li ġraw qabel meta rajna l-film li ħareġ fl-2014: Annabelle: The Conjuring. Il-film hu taħt id-direzzjoni ta’ David F. Sandberg, kitba ta’ Gary Dauberman. Minħabba xeni tal-biżà, vjolenza u ġrajjiet paranormali li ħafna drabi jkexkxuk, ikun tajjeb li l-film jarawh dawk li għalqu l-ħmistax-il sena.