• ***

    Direttur:         Cal Brunker

    Ilħna:               Will Arnett, Maya Rudolph, Jackie Chan, Katherine Heigl, Bobby Cannavale, Isabela Moner, Jeff Denham u Gabriel Iglesias

    Ħin tal-Film:    91 min

    Maħruġ minn KRS Releasing Ltd

    KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA:                  U

    KLASSIFIKA TAL-KNISJA:                       PG

    Surly, skwiril u sieħbu Buddy, ġurdien, flimkien ma’ numru ta’ annimali oħra, jinsabu jgħixu ħajja trankwilla ġewwa park pubbliku li qrib tiegħu kien hemm ħanut abbandunat li darba kien jbiegħ kull kwalità  ta’ ġewż u karawett. Andie, skwirla, kienet tqis din il-ħajja li dawn l-annimali kienu qegħdin jgħixu xejn ma hi tajba….ma jagħmlu xejn, jgħixu qalb il-ġewż u l-karawett u kuljum kien ikollhom festa mingħajr qatt ma kien hemm il-bżonn jaraw kif sejrin jiġbru u jaħżnu l-ikel għax-xitwa.

    B’xorti ħażina għalihom, minħabba traskuraġni ta’ wieħed minnhom, jum wieħed dan il-ħanut sploda b’kollox. Issa li ġrat din it-traġedja, Surly u sħabu ma kellhomx jagħmlu ħlief li jibdew jaħsbu għal rashom li wara kollox hekk kienet titlob in-natura… li biex tiekol trid taħdem għalih!  Andie min-naħa tagħha ħadet pjaċir li seħħ dan għaliex kienet qegħda tinkwieta meta tara dawn l-annimali tant għażżenin. Issa li kellhom jtuha għax-xogħol, għal bidu ma kinitx faċli.

    Ma jgħaddix ħafna żmien li Muldoon, is-sindku tal-belt Oakton, tefa’ għajnejh fuq dan il-Liberty Park għaliex għalih ma kien qiegħed irendi xejn u wisq inqas flus. Għalhekk ħejja pjan biex dan il-post ibiddlu f’park għad-divertiment b’kull xorta ta’ logħob u hekk jibda jħalli profitt kbir għalih. Surly ħass id-dmir li jieħu f’idejh li jorgannizza reżistenza kontra dan il-pjan. Fost dawk li jtuh l-appoġġ kollu kien hemm Andie li tassew kienet temmen fih. Surly jassigura lis-sħabu li hu flimkien ma’ Buddy sejrin ifittxu l-ikel għal kulħadd. Sfortunatament  jiltaqgħu ma’ saram meta jkollhom laqgħa xejn kordjali ma’ Mr Feng, ġurdien abjad, espert fil-Kung Fu, li xejn ma kien jieħu pjaċir meta xi ħadd isejjaħlu “cute”. Mr Feng jgħamilha ċara ma’ Surly biex iżomm ‘l bogħod mill-inħawi fejn kien joqgħod hu ma’ mijiet oħra ta’ ġrieden bojod. X’jiġri minn hawn hekk kif is-sindku jagħti bidu għall-pjan tiegħu?

    Film Amerikan, animat – komputerizzat, taħt id-direzzjoni ta’ Cal Brunker, kitba ta’ Brunker, Bob Barlen u Scott Bindley. Dan il-film isegwi dak li ħareġ fl-2014 taħt l-isem: The Nut Job. Minħabba xi xeni ta’ vjolenza li jinkludu splużjonjiet kif ukoll sitwazzjonjiet ta’ periklu, ikun tajjeb li t-tfal ikunu akkumpanjati minn xi adult.